29.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 314/33
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2016 – Luciad vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-369/16)
(2016/C 314/45)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Luciad (Louvain, il-Belġju) (rappreżentanti: D. Arts, P. Smet u I. Panis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara ammissibbli u fondat ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat għall-eżenzjoni mill-profitti żejda SA.37667 (2015/C) (ex 20151NN) implementata mill-Belġju;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat għall-eżenzjoni mill-profitti żejda SA.37667 (2015/C) (ex 20151NN) implementata mill-Belġju;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest u l-ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2015/1589 (1) u l-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li d-deċiżjonijiet fiskali antiċipati ma setgħux jitqiesu bħala miżuri ta’ eżekuzzjoni u li l-iskema ta’ profitti żejda li hija tiddeskrivi għandha titqies bħala skema ta’ għajnuna.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti, u l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn fis-sens ma hemm l-ebda miżura li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma indikatx kif l-iskema ta’ profitti żejda tista’ toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
—
Huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni assumiet li deċiżjoni taxxa fiskali antiċipata meħuda b’applikazzjoni tal-iskema ta’ profitti żejda twassal awtomatikament għall-tnaqqis fil-piż għall-impriżi kkonċernati, u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni miġbura jew li għandha tinġabar minn barra l-pajjiż fuq il-profitti żejda, ikun ukoll b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ profitti żejda toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti, u l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn is-sistema ikkontestata ma taffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn l-iskema kkontestata ma tipprovdi ebda vantaġġ selettiv.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-iskema ta’ profitti żejda hija sistema ġenerali fiskali li tapplika għal kull impriża Belġjana kollha u hija parti intrinsika mis-sistema ta’ riferiment tas-sistema Belġjana tat-tassazzjoni ta’ kumpanniji li tipprevedi regoli speċifiċi għal sitwazzjonijiet transkonfinali, b’mod li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-iskema tal-profitti żejda kienet tirrappreżenta deroga mis-sistema ta’ riferiment fuq naħa waħda u l-prinċipju tal-kompetizzjoni sħiħa min-naħa l-oħra.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 248, p. 24.9.2015, p. 9).