17.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/14
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2016 – Basicmed Enterprises et vs Il-Kunsill et
(Kawża T-379/16)
(2016/C 383/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Basicmed Enterprises Ltd (Limassol, Ċipru) u 19 oħrajn (rappreżentanti: P. Tridimas, Barrister, K. Kakoulli, P. Panayides u C. Pericleous, avukati)
Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Grupp tal-Euro, L-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tikkundanna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrenti s-somom indikati fl-iskeda annessa mar-rikors, flimkien mal-interessi li jiddekorru mis-16 ta’ Marzu 2013 sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja; u
—
tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.
Alternattivament, b’mod sussidjarju:
—
tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropew u/jew tal-istituzzjonijiet konvenuti;
—
tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit it-telf li jista’ jiġi rkuprat effettivament imġarrab mir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu kumpens skont l-Artikolu 268 TFUE u skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE, li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew, għad-danni mġarrab minħabba t-tnaqqis fid-depożiti tar-rikorrenti b’konsegwenza tal-iskema ta’ salvataġġ intern għar-Repubblika ta’ Ċipru adottata mill-konvenuti.
Ir-rikorrenti jqisu li l-miżuri ta’ salvataġġ intern adottati mir-Repubblika ta’ Ċipru ġew introdotti biss sabiex jiġu implementati l-miżuri adottati mill-konvenuti u kienu approvati wkoll mill-istituzzjonijiet konvenuti. Ir-rikorrenti jqisu li l-iskema ta’ salvataġġ intern tikkostitwixxi ksur serju u, insostenn tar-rikors tagħhom, huma jressqu erba’ motivi:
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, kif protett mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.