26.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 350/21
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2016 – Tri Ocean Energy vs Il-Kunsill
(Kawża T-383/16)
(2016/C 350/27)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Tri Ocean Energy (il-Kajr, l-Eġittu) (rappreżentanti: P. Saini, QC, R. Mehta, barrister u N. Sheikh, solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, sa fejn tapplika għar-rikorrenti, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850, tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 141, p. 125);
—
tannulla, sa fejn japplika għar-rikorrenti, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840, tas-27 ta’ Mejju 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 141, p. 30); u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-motiv għall-inklużjoni fl-Anness tad-deċiżjoni u tar-regolament ikkontestati kif ippreċiżat mill-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (id-“deċiżjoni inizjali”) u mill-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ir-“regolament inizjali”).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-regolament ikkontestat.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq limitazzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata tad-drittijiet għall-proprjetà u għar-reputazzjoni tar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.