5.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 326/30
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2016 – Tri-Ocean Trading vs Il-Kunsill
(Kawża T-384/16)
(2016/C 326/53)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Tri-Ocean Trading (George Town, Cayman Islands) (rappreżentanti: P. Saini, QC, R. Mehta, Barrister, u N. Sheikh, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016 L 141, p. 125), sa fejn din tapplika għar-rikorrenti;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840, tas-27 ta’ Mejju 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2016 L 141, p. 30), sa fejn din tapplika għar-rikorrenti, u;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas allegat li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni fl-anness għad-deċiżjoni u għar-regolament kkontestati, kif indikat fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (id-“deċiżjoni oriġinali”) u fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ir-“regolament oriġinali”).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq allegat nuqqas tal-Kunsill li jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-regolament ikkontestat.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegata limitazzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata fuq id-dritt għall-proprjetà u r-reputazzjoni tar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.