5.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 326/32
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2016 – Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-391/16)
(2016/C 326/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Ayuntamiento de Madrid (Spanja) (rappreżentant: F. Zunzunegui Pastor, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u tilqa’ l-motivi għal annullament invokati fir-rikors;
—
tiddikjara null ab initio ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/646, tal-20 ta’ April 2016, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6), li huwa s-suġġett tar-rikors;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nullità tar-reġolament ikkontestat minħabba nuqqas ta’ kompetenza, peress li sar użu mhux xieraq mill-proċedura ta’ regolament b’kontroll mill-Kummissjoni.
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tinvoka ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2007, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).
Hija ssostni wkoll li, sa fejn dan jistabbilixxi sistema Ewropea li tipprevedi limiti ġodda ta’ emmissjoni ta’ NOx iktar elevati, ir-regolament ikkontestat jibdel element essenzjali tal-att bażiku u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali previsti għall-adozzjoni tiegħu u għalhekk wettqet ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju u tad-dritt sekondarju kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
Ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 3, l-Artikolu 11, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 191 TFUE kif ukoll l-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Hija ssostni wkoll li r-regolament ikkontestat:
—
jikser id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1) f’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-livelli massimi ta’ emmissjonijiet ta’ nitroġenu għall-vetturi dijżil;
—
jikser l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 715/2007 imsemmi iktar ’il fuq;
—
jikser ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 692/2008, tat-18 ta’ Lulju 2008, li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU 2008, L 199, p. 1).
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter:
—
għaliex jeżistu indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li, bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, li għolla l-limiti tal-emmissjoni ta’ NOx tal-vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali żagħar, il-Kummissjoni la pprovat tilħaq l-għan previst fid-dritt tal-Unjoni u lanqas dak li hija nnifisha ddikjarat li trid tilħaq;
—
għaliex il-proċedura speċifika stabbilita fit-Trattat FUE ġiet evitata sabiex jiġu affaċċjati ċ-ċirkustanzi tal-każ. Sa fejn segwiet il-proċedura ta’ regolament b’kontroll u mhux il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fil-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat, li huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ kompetenza;
—
fl-aħħar nett, l-imsemmi regolament lanqas ma huwa fl-interess tal-Unjoni.