5.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 326/33
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2016 – Axium vs Il-Parlament
(Kawża T-382/16)
(2016/C 326/56)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Axium (Oberschaeffolsheim, Franza) (rappreżentant: N. Deleau, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha il-Parlament Ewropew iddeċieda li jelimina l-offerta tal-kumpannija Axium mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ħlas lill-kumpannija Axium tas-somma ta’ EUR 4 000 abbażi tal-Artikoli 133 et seq. tar-Regoli tal-Proċeduri;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha ta’ din l-istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità esterna tad-Deċiżjoni D 201714 tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Ġunju 2016, li tinċaħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti 06D30/2015/M064, li tikkonċerna il-proċedura “Franza-Strasbourg: Kuntratt qafas ta’ xogħol ta’ tneħħija tal-asbestos mill-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasbourg” (ĠU 2015/S 242-438527) u tad-deċiżjoni li dan il-kuntratt jingħata lil offerenti oħra (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn il-persuna li ffirmat l-ittra indirizzata lir-rikorrenti u li tinkludi d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tibbenefika minn ebda delega ta’ setgħa li hija neċessarja sabiex din tkun permessa torbot lill-awtorità kontraenti, jiġifieri lill-Parlament Ewropew.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità interna tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-eliminazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti ma hijiex konformi mal-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u għaldaqstant ma hijiex iġġustifkata.