Kawża T-411/16: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2016 – Syriatel Mobile Telecom vs Il-Kunsill
C3642016MT1810120160731MT0015181192
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2016 – Syriatel Mobile Telecom vs Il-Kunsill
(Kawża T-411/16)2016/C 364/15Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Syriatel Mobile Telecom (Joint Stock Company) (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors bħala amissibbli u fondat;
—
konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni(PESK) 2016/659, tas-27 ta’ Mejju 2016, u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti tagħha, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-motivazzjoni li pprovda l-Kunsill ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB, mill-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill kien wettaq fir-rigward tal-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-finanzjament tar-reġim Sirjan.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fiq l-miżuri kkontestati jirristringu b’mod inġustifikat u sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħha għal proprjetà, previsti mill-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-dritt tagħha għar-rispett tar-reputazzjoni tagħha previst mill-Artikoli 8 u 10(2) tal-KEDB.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea (dokument tal-Kunsill 15114/05 tat-2 ta’ Diċembru 2005).
Full & Egal Universal Law Academy