26.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 350/23
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2016 – SJM Coordination Center vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-420/16)
(2016/C 350/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: St. Jude Medical Coordination Center (SJM Coordination Center) (Zaventem, il-Belġju) (rappreżentanti: F. Louis u J. Ylinen, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għanuna mill-Istat li tikkonċerna l-eżenzjoni fuq il-profitt żejjed SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN), implementata mir-Renju tal-Belġju;
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tinkludi lir-rikorrenti fost il-benefiċjarji tal-allegata skema ta’ għajnuna;
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru, mingħand ir-rikorrenti, ta’ kwalsiasi ammont ta’ għajnuna allegatament irċevut;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandiex kompetenza biex toħroġ id-deċiżjoni kkontestata u li l-istess deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi li jillimita l-kompetenzi tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq allegazjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjonijiet kontradittorji adottati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u fid-deċiżjoni kkontestata kisru d-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata bħala skema ta’ għajnuna.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata żbaljatament tikkonkludi li teżisti skema, li l-approċċ tal-Kummissjoni jikser l-obbligu tagħha li twettaq eżami sħiħ, diliġenti u imparzjali tal-fatti li qed jiġu investigati.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tindikax b’mod xieraq il-motivazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ konstatazzjoni żbaljata ta’ selettività taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata fiħa diversi żbalji fir-rigward tat-tliet stadji għall-istabbiliment tas-selettività: (i) l-Artikolu 185(2)(b) tal-kodiċi Belġjan dwar it-taxxa fuq id-dħul (iktar ’il quddiem “Code des impôts sur les revenus 1992” jew “CIR”) u r-regola tal-profitt żejjed ma jistgħux jiġu esklużi mis-sistema ta’ riferiment; (ii) id-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar it-taxxa rċevuta mir-rikorrenti la tidderoga (a) mill-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa, u lanqas (b) mis-sistema Belġjana ta’ taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji; u (iii) l-allegata deroga tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi evitata t-taxxa doppja.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ vantaġġ.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tanalizzax l-eżistenza ta’ vantaġġ. Skont ir-rikorrenti, hija ma rċevietx vantaġġ u kull benefiċċju għaliha huwa konformi mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa stabbilit fl-Artikolu 9 tal-mudell ta’ Konvenzjoni fiskali tal-OECD, li huwa implementat fid-dritt Belġjan bl-Artikolu 185(2) CIR.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi: (i) tiddikjara li l-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa jawtorizza lill-awtoritajiet tat-taxxa jżidu l-bażi taxxabbli tal-impriżi multinazzjonali (iktar ’il quddiem l-“IMN”) u fl-istess ħin jirrikjedi riskju konkret ta’ taxxa doppja sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti l-isfel u (ii) tillimita l-analiżi tal-vantaġġ għal-libell tal-IMN Belġjana.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità.
—
Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi (i) ma ssegwix il-ġurisprudenza u l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u (ii) tonqos milli tidentifika l-allegat vantaġġ.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li rkupru jirriżulta f’taxxa doppja.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta tqis li ma hemmx riskju ta’ taxxa doppja, li jiżdied jekk ir-rikorrenti tiġi ordnata tħallas xi ammont fil-proċedura ta’ rkupru. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi annullata sa fejn tordna lir-Renju tal-Belġju jirkupra xi ammont mingħand ir-rikorrenti.
10.
L-għaxar motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-irkupru ma jistax ikun suġġett għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata donnha tagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li tiċħad aġġustamenti tal-bażijiet taxxabbli tal-persuni taxxabbli li kienu bbażati fuq ċirkustanzi fattwali li kienu jeżistu fil-mument ta’ meta nkisbet id-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar it-taxxa.