6.3.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 70/21
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2016 – MS vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-435/16)
(2017/C 070/30)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: MS (Castries, Franza) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli u fondat;
konsegwentement,
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ ċaħda ta’ komunikazzjoni tad-data ta’ natura personali li tirrigwarda lir-rikorrent, adottata fis-16 ta’ Ġunju 2016;
—
tordna l-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-aġir li jikkawża preġudizzju min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, evalwat ex aequo et bono għal EUR 20 000;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 8, 13 u 20 tiegħu. Ir-rikorrent isostni wkoll il-ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-data personali u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji tad-drittijiet tad-difiża, tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Id-deċiżjoni kkontestata għandha barra minn hekk titqies li hija vvizzjata b’motivazzjoni irregolari u infondata. Dawn l-illegalitajiet kollha jikkostitwixxu nuqqasijiet tali li kkawżaw dannu reali u ċert lir-rikorrent.