10.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/19
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awissu 2016 – AEIM u Kazenas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-436/16)
(2016/C 371/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: L-application électronique industrielle moderne (AEIM) (Algrange, Franza), Philippe Kazenas (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: B. Wizel, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 536 912 li tirrappreżenta t-telf finanzjarju subit mill-investimenti magħmula f’fondi mitlufa għall-visti qabel l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, għotjiet li saru bi frodi;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 2 092 650 abbażi ta’ nuqqas ta’ profitti li r-rikorrenti setgħet tippretendi li kieku ġew mogħtija b’mod ekwu u mingħajr korruzzjoni;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lura lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 85 000 li tirrappreżenta l-ispejjeż u l-onorarji ta’ avukat li hija kienet obbligata tħallas għall-organizzazzjoni tad-difiża tagħha minħabba l-korruzzjoni tal-uffiċjal Ewropew;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 150 000 bħala danni morali;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti l-interessi kumpensatorji fuq is-somom kollha minn Diċembru 2005, li kien it-tmiem tal-perijodu tal-ksur;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lura tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-avukat ta’ din l-istanza li jirrappreżentaw is-somma ta’ EUR 75 000;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-interessi moratorji mid-data tal-pronunzja tas-sentenza li għandha tingħata;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti iridu jinvokaw aġir illegali ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li allegatament ikkawżalhom danni serji b’rabta diretta ma’ dan l-aġir u li għalihom dawn jitolbu kumpens.
Huma b’hekk iqisu li huma sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet biex tiġi invokata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri aġir illegali ta’ istituzzjoni jew ta’ wieħed mill-membri tal-persunal tagħha, dannu reali u rabta kawżali bejn l-aġir ta’ dan il-membru tal-persunal u d-danni invokati.
F’dan il-każ, huma josservaw li aġiri ta’ korruzzjoni ta’ uffiċjal Ewropew fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxu ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza li l-awtorità kontraenti għandha tirrispetta fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti fir-rigward tal-offerenti kollha.
Ir-rikorrenti jqisu li l-għoti frawdolenti tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni kkawża danni reali lill-kumpannija AEIM, li kisbet biss kuntratti relattivi għal pajjiżi meqjusa perikolużi li ma xtaqux iż-żewġ offerenti l-oħra li kkorrompew, filwaqt li kieku l-kuntratti kollha ngħataw mingħajr korruzzjoni, il-kumpannija msemmija, li kienet l-unika li ressqet l-offerti b’integrità, kienet tkun tista’ tippretendi li tiksibhom.
Huma jixtiequ jinvokaw il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni, li f’dan il-każ weriet nuqqasijiet serji fl-aġir tagħha f’dan il-każ, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jestendi għal kull operatur ekonomiku li lilu istituzzjoni tkun tat aspettattivi fondati.
Ir-rikorrenti jqisu wkoll li sofrew, minbarra d-danni ta’ natura finanzjarja, danni ta’ natura morali, b’mod partikolari kkawżati minn dannu għar-reputazzjoni tagħhom u mill-obbligu li kellhom jiddefendu ruħhom kontra akkużi li rriżultaw li kienu ineżatti u immaġinarji.
Full & Egal Universal Law Academy