24.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/44
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2016 – Il-Portugall vs Il-Kummisjsoni
(Kawża T-463/16)
(2016/C 392/58)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, P. Estêvão u J. Saraiva de Almeida, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3753, tal-20 ta’ Ġunju 2016, innotifikata fil-21 ta’ Ġunju 2016, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fil-parti fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ammont ta’ EUR 8 984 891,60 fir-rigward tal-ispejjeż iddikjarati mir-Repubblika Portugiża fil-kuntest tal-kundizzjonalità, għas-snin finanzjarji 2011, 2012 u 2013;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008 L 322M, p. 162).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009 L 30, p. 16), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(c) u tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009 L 316, p. 65).
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 26 u 53 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy