10.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/28
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2016 – Société wallonne des aéroports vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-474/16)
(2016/C 371/30)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Société wallonne des aéroports SA (SOWEAR) (Namur, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Lepièce u H. Baeyens, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara t-talba tar-rikorrenti dwar it-tagħqid tal-kawża preżenti mal-Kawża T-818/14 bħala ammissibbli u fondata;
—
tiddikjara dan ir-rikors bħala ammissibbli u fondat,
konsegwentement,
—
tannulla l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 Nru SA.14093, dwar il-miżuri implementati mill-Belġju favur Brussels South Charleroi Airport u Ryanair;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wetqet il-Kummissjoni sa fejn evalwat il-ħlasijiet magħmula minn Brussels South Charleroi Airport (BSCA) lir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE, meta d-deċiżjonijiet għall-investiment, li tinbeda l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport u li jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ BSCA ittieħdu qabel ma ġiet adottata s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C-82/01 P, EU:C:2002:617).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wetqet il-Kummissjoni meta kkwalifikat l-Instrument Landing System (ILS) u s-servizz ta’ dawl tar-runway, bħala tagħmir u servizzi ekonomiċi.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-raġunament tal-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-ħlasijiet ta’ kull sena tal-kuntratt ta’ BSCA huwa bbażat fuq metodu u fuq fatturi ta’ kalkolu żbaljati li għandhom impatt sostanzjali fuq l-ammont tal-għajnuna u barra minn hekk huwa vvizjat minn nuqqas ċar ta’ motivazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wetqet il-Kummissjoni meta, minn naħa, inkludiet, fl-ammont tal-ħlasijiet li għandhom jinġabru mingħand BSCA, l-għajnuna mogħtija għall-missjoni ta’ sigurtà (jiġifieri s-sussisju “nirien-manutenzjoni”) u, min-naħa l-oħra, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tas-“sussidju manutenzjoni kontra n-nirien” fl-2014 u fl-2015.
Full & Egal Universal Law Academy