31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/48
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2016 – Adama Agriculture u Adama France vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-476/16)
(2016/C 402/57)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Adama Agriculture BV (Amsterdam, il-Pajjiżi Baxxi) u Adama France (Sèvres, Franza) (rappreżentanti: C. Mereu u M. Grunchard, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata (1) u tiddeċiedi (i) li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva isoproturon (IPU) għandha tiġġedded jew, sussidjarjament, (ii) li tibgħat lura l-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-IPU quddiem il-konvenuta u li tissospendi t-termini kollha previsti mir-Regolament Nru 1107/2009 u mir-regolamenti ta’ implementazzjoni tiegħu b’mod li tippermetti l-applikazzjoni ta’ intervall ta’ żmien xieraq għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar it-tiġdid tal-IPU;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-konvenuta bi ksur tad-drittijiet u tal-prinċipji ggarantiti mill-Unjoni. Huma jsostnu li l-imsemmija deċiżjoni hija illegali għaliex tikser it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”) u d-dritt sekondarju tal-Unjoni, billi jibbażaw ruħhom fuq il-ħames motivi li ġejjin:
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni: skont il-premessi 8, 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, l-IPU ġiet ipprojbita minħabba (i) ir-riskju li jirriżulta minn esponiment għal metabolita fl-ilma ta’ taħt l-art, (ii) ir-riskju għall-għasafar, għall-mammiferi u għall-organiżmi akwatiċi, u (iii) il-proposta għall-klassifikazzjoni tal-IPU bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2. Madankollu, il-preokkupazzjonijiet kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati b’difetti proċedurali jew sostantivi u ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li ssottomettew ir-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-proċedura prevista mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (2) – att ultra vires: billi pproponiet li tikklassifika l-IPU bħala tossiku għar-riproduzzjoni u billi bbażat ruħha fuq din il-proposta sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-IPU, il-konvenuta kisret ukoll kemm ir-Regolament Nru 1227/2008 kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (3) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u b’hekk aġixxiet ultra vires.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba: bl-aġir tagħhom, l-Istat Membru relatur, l-EFSA u l-Kummissjoni kisru, individwalment u kollettivament, id-dritt għal smigħ u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ċaħħduhom minn smigħ xieraq. B’mod partikolari, minkejja li, b’mod ripetut u proattiv, ippruvaw jikkuntattjaw l-Istat Membru relatur u l-EFSA, ir-rikorrenti ma rċevewx tweġiba f’waqtha. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament: filwaqt li l-Kummissjoni adottat approċċ strett fir-rigward tal-IPU (ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji proċedurali), dan ma għamlitux f’sitwazzjonijiet simili u f’deċiżjonijiet preċedenti dwar sustanzi li jagħtu lok għal preokkupazzjonijiet simili, u dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità: billi ma għażlitx miżuri inqas stretti li kienu jilħqu l-istess għanijiet (pereżempju, approvazzjoni suġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom jiġu evalwati fuq livell tal-Istati Membri jew approvazzjoni suġġetta għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni konfermattiva fuq livell tal-Unjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1107/2009) u billi, minflok ma għamlet dan, ipprojbixxiet l-IPU, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/872, tal-1 ta’ Ġunju 2016, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva isoproturon, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2016, L 145, p. 7).
(2) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1).
(3) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).