14.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 269/25
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2017 – PC vs EASO
(Kawża T-610/16)
(2017/C 269/37)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Partijiet
Rikorrenti: PC (rappreżentant: L. Railas, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)
Talbiet
—
tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni negattiv għall-perijodu ta’ prova stabbilit fir-rigward tar-rikorrenti u tikkundanna lill-EASO sabiex jistabbilixxi rapport ġdid ta’ evalwazzjoni għar-rikorrenti li fih jiġi konkluż li din tal-aħħar tinżamm fil-pożizzjoni tagħha;
—
tannulla d-Deċiżjoni EASO/ED/2015/358;
—
tikkonstata li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il-quddiem l-“ASTK”) ma kinitx involuta fit-tkeċċija tar-rikorrenti;
—
tannulla d-Deċiżjoni EASO/HR/2015/607, li ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrenti fi tmiem il-perijodu ta’ prova, b’tali mod li r-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrenti tkompli mingħajr interruzzjoni mill-1 ta’ Marzu 2015 sat-28 ta’ Frar 2020 (tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol prevista mill-kuntratt);
—
jekk l-EASO ma jistax jintegra mill-ġdid lir-rikorrenti fil-pożizzjoni tagħha, tikkundanna lill-EASO jikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu subit minħabba d-deċiżjoni illegali tal-EASO billi jħallas lir-rikorrenti, għad-danni, ir-remunerazzjoni, l-allowances u l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar tal-persuna li timpjega li jikkorrispondu għall-impjieg tagħha, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2015 u t-28 ta’ Frar 2020;
—
jekk l-EASO jista jintegra mill-ġdid lir-rikorrenti fil-pożizzjoni tagħha, tikkundanna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti, għad-danni, ir-remunerazzjoni, l-allowances u l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar tal-persuna li timpjega li jikkorrispondu għall-impjieg tagħha, għall-perijodu li matulu ma assumitx il-funzjonijiet tagħha, jiġifieri l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Diċembru 2015 u d-data tar-reintegrazzjoni tagħha;
—
tikkundanna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti sitt xhur remunerazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega konformement mal-punt 5 tal-Kawża F-113/13; u
—
tikkundanna lill-EASO għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-evalwatur tal-perijodu ta’ prova billi stabbilixxa rapport ta’ evalwazzjoni negattiv għal dak il-perijodu u peress li esprima pubblikament kritika fir-rigward tar-rikorrenti li kienet infondata. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-EASO għandu jikkonstata mingħajr ebda referenza għall-ġurisprudenza jew għal kull sors ieħor ta’ dritt li (kull) “evalwatur għandu setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa fl-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna li fir-rigward tagħha għandu jistabbilixxi rapport, peress li r-rapport ta’ evalwazzjoni jippreżenta l-opinjoni tal-evalwatur espressa liberament”.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur mill-EASO, tal-kriterju ta’ evalwazzjoni xierqa fit-tħejjija tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-perijodu ta’ prova. L-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija saret mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-“fatti hekk kif kienu jeżistu” u bi ksur tar-regoli applikabbli fir-rigward tal-persunal jew tal-gwida tal-EASO dwar l-evalwazzjoni tal-persunal fil-perijodu ta’ prova u mingħajr ma tqiesu l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, mill-EASO, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq interpretazzjoni żbaljata, mill-EASO, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi dawn ġew applikati għad-detriment tar-rikorrenti.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-EASO billi ffirma d-dokument uffiċjali tal-Unjoni EASO/ED/2015/358 (delega ta’ poter), li kien adottat b’mod illegali minħabba l-assenza ta’ regoli obbligatorji ta’ infurzar adottati mill-Bord ta’ Tmexxija tal-EASO, li juri kunflitt ta’ interess ċar u li d-data tiegħu, fil-fehma tar-rikorrenti, ma hijiex eżatta.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-użu mill-EASO, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova u fil-kumplament tal-proċedura, tad-dokument EASO/ED/2015/358, li huwa ddatat b’lura.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur mill-EASO, matul il-proċedura kollha ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova, tar-regoli proċedurali applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni, tar-regoli dwar l-investigazzjonijiet amministrattivi u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova setgħet kienet differenti, jiġifieri waħda pożittiva, li kieku l-EASO ma kienx kiser ir-regoli tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-persunal u l-gwida tal-EASO dwar l-evalwazzjoni tal-persunal fil-perijodu ta’ prova.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ssottomettiet, b’mod validu, argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-EASO li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol tagħha hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata, fuq nuqqas mill-EASO matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova, bl-inklużjoni tal-ħatra illegali tal-awtur tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, in-nuqqas ta’ professjonaliżmu tiegħu fil-kawżi dwar il-persunal, in-nuqqas ta’ esperjenza tiegħu fir-rigward tad-dokumenti ta’ evalwazzjoni relatati mal-perijodu ta’ prova, nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-perjodu ta’ prova kif ukoll ilmenti u kummenti magħmula mir-rikorrenti.