17.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/24
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2016 – Gollnisch vs Il-Parlament
(Kawża T-624/16)
(2016/C 383/34)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Bruno Gollnisch (Villiers-le-Mahieu, Franza) (rappreżentanti: N. Fakiroff, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Lulju 2016, innotifikata fis-6 ta’ Lulju 2016, li tipprovdi “li ammont ta’ EUR 275 984,23 tħallas indebitament lil Bruno GOLLNISCH” u li tordna lill-uffiċjal awtorevoli kompetenti u lill-kontabilist jirkupraw din is-somma;
—
tannulla barra minn hekk in-notifika u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, inklużi fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tas-6 ta’ Lulju 2016, ref. D 201920;
—
tannulla l-intier tan-nota ta’ debitu Nru 2016-914 iffirmata mill-istess Direttur Ġenerali tal-Finanzi fil-5 ta’ Lulju 2016;
—
tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-dannu morali li jirriżulta kemm mill-akkużi infondati esposti qabel il-konklużjoni tal-inkjesta, kemm mill-ħsara li saret għar-reputazzjoni tiegħu, kif ukoll mill-problemi kbar ħafna fil-ħajja personali u politika tiegħu li kienu l-konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tħallas ukoll is-somma ta’ EUR 24 500 bħala ispejjeż li ġew sostnuti għas-servizz tal-konsulenza legali, għall-preparazzjoni ta’ dan ir-rikors u għall-ispejjeż tal-kopji u għall-preżentata tal-imsemmi rikors, u tad-dokumenti annessi;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha;
—
sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tqisx li hija kompletament konvinta mir-rilevanza u mill-ġenwinità tal-motivi ta’ dritt u u ta’ fatt esposti mir-rikorrent, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja b’kunsiderazzjoni għar-rabta inevitabbli bejn l-allegati fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, u dawk li huma s-suġġett tal-inkjesta kriminali mibdija mill-Presient tal-Parlament Ewropew:
—
tissosspendi l-proċeduri sakemm tingħata deċiżjoni definittiva, li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, mogħtija mill-qorti ġudizzjarja Franċiża li quddiemha tkun tressqet kawża mill-President tal-Parlament Ewropew;
—
konsegwentement tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tintemm il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħdax-il motiv.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tas-Segretarju Ġenerali sabiex jadotta l-atti kkontestati. Il-kompetenza fil-qasam tad-deċiżjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw id-deputati u l-gruppi tagħhom hija, min-naħa l-oħra, tal-Bureau tal-Parlament Ewropew.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif ukoll tar-rekwiżiti relatati ma’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-amministrazzjoni tal-Parlament kien messa stenniet ir-riżultati tal-investigazzjoni u tal-proċeduri li huwa kien beda qabel tadotta l-atti kkontestati.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent. L-atti kkontestati kisru l-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent, id-dritt tiegħu għal aċċess għall-ġustizzja, il-possibbiltà tiegħu li jieħu pożizzjoni fuq id-dokumenti kollha li l-amministrazzjoni kellha l-intenzjoni tuża kontrih, u kisru d-dritt tiegħu għal kontroeżami.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova, inkwantu l-amministrazzjoni tal-Parlament talbet ġustifikazzjonijiet a posteriori lir-rikorrent rigward ix-xogħol imwettaq mill-assistent tiegħu u rigward ir-remunerazzjonijiet li ngħatawlu.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati, li juru natura kompletament arbitrarja.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq preġudizzju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll fuq l-applikazzjoni ta’ regoli ineżistenti jew retroattivi.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq preġudizzju għad-drittijiet politiċi tal-assistenti parlamentari.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-atti kkontestati u tal-użu ħażin tal-poter li wassal għall-adozzjoni tagħhom.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq preġudizzju għall-indipendenza tad-deputati u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni għar-rwol tal-assistenti parlamentari lokali.
10.
L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ilmenti tal-amministrazzjoni tal-Parlament huma infondati fil-fatt.
11.
Il-ħdax-il motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy