31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/51
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej vs ECHA
(Kawża T-625/16)
(2016/C 402/61)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej sp. z o. o. (Grajewo, il-Polonja) (rappreżentanti: T. Dobrzyński, radca prawny [avukat])
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851, tat-23 ta’ Ġunju 2016, li tiddikjara li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tnaqqis fit-tariffi għall-impriżi ta’ daqs medju, u li r-rikorrenti għandha tħallas dritt amministrattiv;
—
tannulla l-kont Nru 10058238 maħruġ mill-ECHA fit-23 ta’ Ġunju 2016 fir-rigward tad-differenza bejn it-tariffa mħallsa mir-rikorrenti u t-tariffa dovuta fil-każ ta’ impriża kbira kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851;
—
tannulla l-kont Nru 10058239 maħruġ mil-ECHA fit-23 ta’ Ġunju 2016 li jistabbilixxi l-ammont tad-dritt amministrattiv dovut skont id-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA Nru 14/2015, tal-4 ta’ Ġunju 2015 (MB/43/2014) ME (2016) 2851;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv: ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi
—
L-ammont tad-dritt amministrattiv, previst fid-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija MB/43/2014, li tikkostitwixxi l-bażi għad-deċiżjoni u għall-kontijiet ikkontestati, huwa, fid-dawl tal-funzjonijiet li għandu jissodisfa d-dritt amministrattiv, sproporzjonalment għoli u għalhekk huwa ekwivalenti għal multa. Dan jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi rrikonoxxut fl-Artikolu 5 TUE, moqri flimkien mal-premessa 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008.
2.
It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba
—
Ir-rikorrenti bbażat id-dikjarazzjoni tagħha dwar id-daqs tal-impriża fuq informazzjoni li, fost oħrajn, kienet toriġina mill-ECHA, u fuq informazzjoni nazzjonali. Id-daqs tal-impriża kellu jiġi ddeterminat skont il-Liġi dwar il-libertà tal-attivitajiet ekonomiċi tat-2 ta’ Lulju 2004. Skont din il-liġi, l-impriżi ma għandhomx jiġu ddeterminati skont l-istruttura tal-ishma. L-ECHA naqset milli tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar ir-regoli ta’ inkorporazzjoni u imponiet it-tariffi, mingħajr ma kien possibbli li jiġi rrimedjat l-iżball.
3.
It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
—
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1907/2006 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, id-drittijiet amministrattivi għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż konkreti tal-kontroll imwettaq mill-ECHA. Il-prassi tal-ECHA, fejn l-impriżi li jkunu ddikjaraw b’mod żbaljat id-daqs tagħhom ibatu l-ispejjeż tal-kontrolli mwettqa fir-rigward tal-impriżi kollha, għandha titqies li hija inammissibbli.
4.
Ir-raba’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
—
Bl-impożizzjoni ta’ drittijiet amministrattivi u bl-iffissar tal-ammont ta’ dawn id-drittijiet skont id-daqs tal-impriżi, l-ECHA kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-fatt li impriża li hija kklassifikata bħala impriża kbira għas-sempliċi raġuni li entità pubblika għandha sehem mill-kapital tagħha tiġi suġġetta għall-istess dritt amministrattiv bħal impriża li hija kklassifikata bħala impriża kbira fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha u tad-daqs tal-persunal tagħha, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
5.
Il-ħamis motiv: nullità tal-kontijiet stabbiliti fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata
—
L-annullament tad-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851 għandu jwassal għall-annullament tal-kontijiet li huma bbażati fuq il-fatturi maħruġa mill-ECHA. It-tariffi imposti lanqas ma huma dovuti għaliex, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851 u tal-ħruġ tal-kontijiet, ir-rikorrenti ma kinitx obbligata tirreġistra fis-sistema REACH.