17.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/26
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Troszczynski vs Il-Parlament
(Kawża T-626/16)
(2016/C 383/35)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Mylène Troszczynski (Noyon, Franza) (rappreżentant: M. Ceccaldi, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2016, meħuda b’applikazzjoni tal-Artikoli 33, 43, 62, 67 u 68 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar “miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” kif emendata, li tikkonstata dejn fil-konfront tar-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 56 554,00 euros fuq il-bażi ta’ ammonti indebitament imħallsa fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li timmotiva l-irkupru tiegħu b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-miżuri ta’ applikazzjoni u tal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;
—
tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-888, mhux datata, li tinforma lir-rikorrenti li ġie kkonstatat dejn fir-rigward tagħha wara deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-23 ta’ Ġunju 2016, irkupru ta’ somom indebitament imħallsa fuq il-bażi tal-assistenza parlamentari, skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentezzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-istanza;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallas lil Mylène Troszczynski, bħala rimbors ta’ spejjeż rekuperabbli, is-somma ta’ EUR 50 000,00
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq vizzji li jaffettwaw il-legalità esterna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv huwa diviż fi tliet partijiet.
—
L-ewwel parti, skont liema l-atti kkontestati jaqgħu fil-kompetenza materjali tal-Burieau tal-Parlament Ewropew u mhux tas-Segretarju Ġenerali tiegħu, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw lill-partiti politiċi u għaldaqstant lill-membri tal-Parlament Ewropew.
—
It-tieni parti, skont liema l-Bureau tal-Parlament Ewropew ma huwiex id-detentur tal-kompetenza tiegħu stess, u ma jistax għalhekk ibbidel in-natura u l-portata tagħha. Issa, is-Segretarju Ġenerali ma għandu ebda delega regolari min-naħa tal-President tal-Bureau tal-Parlament li tagħtih is-setgħa li jadotta u li jinnotifika l-atti kkontestati fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw membru tal-Parlament Ewropew.
—
It-tielet parti, skont liema r-rekwiżit ta’ motivazzjoni ma ġiex sodisfatt mill-awtur tal-atti kkontestati. Għalhekk, il-motivazzjoni mogħtija ma tkoprix is-sitwazzjoni ta’ fatt sostnuta fl-imsemmija atti u tirriżulta f’kontradizzjoni irreduċibbli bejn il-fatt allegat lill-assistent tar-rikorrenti li jeżerċita effettivament żewġ funzjonijiet fl-istess ħin u dik li jeżerċita biss waħda b’esklużjoni ta’ kwalunkwe oħra, it-tieni ipoteżi hija esklużivament msemmija mis-Segretarju Ġenerali.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq vizzji li jaffettwaw l-legalità interna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv jinqasam f’disa’ partijiet.
—
L-ewwel parti, skont liema l-fatti allegati insostenn tal-atti kkontestati huma ineżistenti.
—
It-tieni parti, skont liema l-atti kkontestati ġew adottati bi ksur tar-regoli u l-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-istabbiliment u l-oneru tal-prova.
—
It-tielet parti, skont liema d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-ħlasijiet indebiti meħuda mis-Segretarju Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, is-somma mitluba la hija mmotivata fid-dettali u lanqas fil-metodu ta’ kalkolu.
—
Ir-raba parti skont liema l-atti kkontestati jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet politiċi tal-assistenti lokali tal-membri tal-Parlament Ewropew.
—
Il-ħames parti, skont liema l-atti kkontestati huma vvizzjati minn użu ħażin ta’ poter, peress li s-Segretarju Ġenerali użurpa s-setgħat ta’ infurzar ta’ natura finanzjarja li ma humiex tiegħu sabiex jillimita l-mezzi ta’ azzjoni ta’ membru tal-Parlament Ewropew li huwa magħruf pubblikament u b’mod inkontestabbli li ma jikkondividix la l-ideat u l-anqas il-programm politiku tiegħu.
—
Is-sitt parti skont liema l-atti kkontestati huma diskriminatorji u li dawn jippreżumu l-intenzjoni li jikkawżaw ħsara lill-attività politika tar-rikorrenti, għalhekk jeżisti fumus persecutionis.
—
Is-seba’ parti skont liema l-atti kkontestati jikkawżaw preġudizzju lill-indipendenza tar-rikorrenti bħala membru tal-Parlament Ewropew.
—
It-tmien parti skont liema l-atti kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ una via electa u jqajmu l-kwistjoni tal-parzjalità tal-OLAF li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu biss fil-konfront tal-membri tal-Parlament Ewropew Franċiżi eletti mil-listi tal-Front National.
—
Id-disa’ parti skont liema l-atti kkontestati jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt “le pénal tient le civil en l’état” peress li l-proċeduri ta’ rkupru tal-ħlas indebitu għandhom jiġu sospiżi fl-istennija tat-tmiem ta’ proċeduri oħra b’mod partikolari dawk Franċiżi, kif ukoll ta’ ksur tar-regola ne bis in idem.
Full & Egal Universal Law Academy