24.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/49
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Settembru 2016 – GEA Group vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-640/16)
(2016/C 392/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: GEA Group AG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. du Mont u C. Wagner, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-29 ta’ Ġunju 2016, C(2016)3920, li temenda d-Deċiżjoni C(2009)8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.38589 – Stabilizzaturi termiċi);
—
sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta u tistabbilixxi data ġdida għall-pagament u għall-interessi dovuti (wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata minkejja l-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien skada.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266(1) TFUE, u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti minħabba li din ma setgħetx tiżviluppa verbalment il-pożizzjoni tagħha.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 billi ma applikatx il-limitu massimu ta’ 1-10 % għar-rikorrenti, u billi applikat dan il-limitu massimu ta’ 10 % għal awtur ieħor tal-ksur għad-detriment tar-rikorrenti.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi żammet lir-rikorrenti bħala l-unika responsabbli għal aġir li għalih awturi oħra tal-ksur instabu responsabbli meta r-responsabbiltà tar-rikorrenti hija purament derivattiva u billi qassmet il-piż addizzjonali li jirriżulta mit-tnaqqis tar-responsabbiltà tal-awtur l-ieħor tal-ksur esklużivament għad-detriment tar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat tagħha meta ffissat b’mod retroattiv terminu għal pagament f’data li għaliha ma kienet teżisti l-ebda bażi legali valida għal pagament u billi l-Kummissjoni ma tatx motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE għaliex ma spjegatx għal liema raġunijiet hija kienet tbiegħdet mill-prassi tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy