31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/54
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2016 – ClientEarth vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-644/16)
(2016/C 402/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: O. Brouwer, avukat u N. Frey, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti mitluba skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1), kif ikkomunikat lir-rikorrenti fl-1 ta’ Lulju 2016 f’ittra bir-riferenza C(2016) 4286 finali;
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe intervenjenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li wasslu għal applikazzjoni ħażina tal-eċċezzjoni ta’ relazzjonijiet internazzjonali fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, u nuqqas ta’ motivazzjoni:
—
Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-eċċezzjoni ta’ relazzjonijiet internazzjonali hija applikabbli. B’mod partikolari, hija ma stabbilixxietx kif l-iżvelar ta’ dokumenti li huma purament legali li jinkludu riflessjonijiet fuq id-dritt Ewropew jista’ fih innifsu jikxef għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni Ewropea waqt negozjati jew jimmina l-pożizzjoni ta’ nnegozjar tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija marbuta bl-istat tad-dritt u ma tistax tinnegozja ftehimiet internazzjonali li jiksru d-dritt Ewropew. Ir-rikorrenti tissottometti wkoll li l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll eċċezzjonijiet oħrajn, ma jistgħux jiġu invokati in perpetuum, jiġifieri sakemm il-Kummissjoni tkun qiegħda għaddejja b’negozjati fi kwalunkwe post dwar ftehimiet internazzjonali oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tiddikjara r-raġunijiet ta’ kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jista’, b’mod speċifiku u fil-fatt, jimmina l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li wasslu għal applikazzjoni ħażina tal-protezzjoni tal-eċċezzjoni ta’ pariri legali fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni:
—
Il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi jekk hemmx riskju li huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jimmina l-interessi tagħha li tirċievi pariri legali sinċiera, oġġettivi u komprensivi.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li wasslu għal applikazzjoni ħażina tal-protezzjoni tal-eċċezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u nuqqas ta’ motivazzjoni:
—
Il-Kummissjoni naqset milli tispjega kif l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’, b’mod speċifiku u fil-fatt, jimmina l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li wasslu għal applikazzjoni ħażina tat-test ta’ interess pubbliku ikbar u nuqqas ta’ motivazzjoni:
—
Jeżisti interess pubbliku ikbar, għaliex l-iżvelar jagħmilha possibbli li jkun hemm dibattitu fuq l-aċċess ġudizzjarju, b’mod partikolari l-aċċess għal qrati nazzjonali u r-rwol tagħhom, u l-ħtieġa li tiġi ppriżervata l-unità u l-awtonomija tad-dritt Ewropew. Dawn is-suġġetti huma ta’ interess dirett għaċ-ċittadini u NGOs Ewropej bħar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess parzjali u talba għal miżura ta’ investigazzjoni
—
Ir-rikorrenti tissottometti li l-Kummissjoni ma eżaminatx u ma tatx aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, jew fi kwalunkwe każ ma għamlitx dan fil-grad rikjest mil-liġi.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).