31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/58
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2016 – PM vs ECHA
(Kawża T-656/16)
(2016/C 402/69)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: PM (rappreżentant: C. Zambrano Almero, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara ammissibbli dan ir-rikors kontra d-Deċiżjoni SME (2016) 3198 u, għaldaqstant, tannulla din id-deċiżjoni minħabba li PM hija impriża żgħira u medja u, għaldaqstant, it-tariffi li hija ħallset huma konformi mal-leġiżlazzjoni u, konsegwentement, taċċetta r-reġistrazzjoni mitluba.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq id-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u medji, li tinsab fl-Artikolu 2(1) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, flimkien mal-grupp ta’ impriżi li tappretejni għalih, tafferma li tosserva l-kriterji stabbiliti f’dan l-artikolu.
Full & Egal Universal Law Academy