31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/59
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2016 – Credito Fondiario vs BUR
(Kawża T-661/16)
(2016/C 402/71)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Credito Fondiario SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone, F. Iacovone, S. Frazzani u A. Neri, avukati)
Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-ewwel u t-tieni deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;
—
tiddikjara l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63, li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati, inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
—
tiddikjara l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63 li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati, inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
—
tiddikjara r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63, li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ libertà ta’ intrapriża, rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
—
tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni f’sessjoni eżekuttiva SRB/ES/SRF/2016/06, tal-15 ta’ April 2016 (l-ewwel deċiżjoni) u SRB/ES/SRF/2016/13, tal-20 ta’ Mejju 2016 (it-tieni deċiżjoni), li jiddeterminaw, fir-rigward tar-rikorrenti, il-kontribuzzjoni ex ante prevista mir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015 L 11, p. 44).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ notifika tal-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet lil Credito Fondiario.
—
Il-Banca d’Italia (Il-Bank Ċentrali tal-Italja) ma nnotifikax lir-rikorrenti biż-żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Bord, kif mitlub mill-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81, tad-19 ta’ Diċembru 2014, li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015 L 15, p. 1), u llimita ruħu li jikkomunika l-ammont tal-pagament u ppreġudika d-dritt tar-rikorrenti li tieħu l-azzjoni legali meħtieġa fil-ħin. Il-Bord allegatament ma eżerċitax il-viġilanza dovuta fuq in-notifika.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-obbligu ta’ kontradittorju tad-deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante.
—
Id-deċiżjonijiet ikkontestati ma fihom l-ebda motivazzjoni fuq kif il-kontribuzzjoni ex ante ġiet effettivament ikkalkolata, u ppreġudikat l-eżerċizzju effettiv tal-kontroll tal-leġittimità u l-fondatezza tad-deċiżjoni min-naħa tar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(1)(f) tar- Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63.
—
Il-kontribuzzjoni ex ante mitluba lill-Credito Fondiario hija sproporzjonata meta mqabbla mal-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni u hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-passiv tal-istituzzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63. Evalwazzjoni żbaljata tal-profil ta’ riskju ta’ Credito Fondiario.
—
Fil-31 ta’ Diċembru 2014, il-Credito Fondiario kellu profil ta’ riskju baxx abbażi tal-parametri stabbiliti mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63. Il-kontribuzzjoni kkalkolata mill-Bord huwa proprju ta’ istituzzjonijiet bi profil ta’ riskju għoli, u hija r-riżultat tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, min-naħa tal-Bord, tal-kriterji ta’ definizzjoni u tnaqqis tar-riskju previsti mill-Artikoli ċċitati.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (UE) – Ugwaljanza fit-trattament.
—
L-Artikolu 5(1)(f), u l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63, jiksru l-ugwaljanza fit-trattament billi jipprevedu trattament diskriminatorju fis-settur inkwistjoni.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.
—
Id-deċiżjonijiet, mingħajr ma jqisu l-profil ta’ riskju mnaqqas tar-rikorrenti, jimponu kontribuzzjoni ex ante li tikkorrispondi ma’ istituzzjoni bi profil ta’ riskju għoli, bi ksur għalhekk tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE – Libertà ta’ intrapriża
—
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63, billi jimponi rekwiżiti iktar rigorużi minn dawk diġà previsti mil-leġiżlazzjoni bankarja Ewropea u mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qasam ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1), dwar l-evalwazzjoni tar-riskju tal-istituzzjoni u billi jintroduċi elementi diskrezzjonali fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, jikser l-ugwaljanza fit-trattament, iċ-ċertezza legali u l-libertà ta’ intrapriża.