28.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 441/22
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2016 minn HL mis-sentenza mogħtija fl-20 ta’ Lulju 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-112/15, HL vs Il-Kummisjsoni
(Kawża T-668/16 P)
(2016/C 441/26)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: HL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: R. Rata, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummisjsoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016 tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża F-112/15;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2014 tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, maħruġa permezz tal-Avviż Amministrattiv Nru 41-2014, li jistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi taħt l-eżerċizzju ta’ promozzjoni tal-2014 sa fejn l-isem tal-appellant ma huwiex inkluż fiha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
1.
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi meta ġie miċħud l-ewwel motiv bħala infondat. L-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq erba’ żbalji prinċipali fir-rigward tal-ewwel motivi:
—
l-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stabbilixxa, bi ksur tal-ġurisprudenza applikabbli, li ma għandhux il-ħtieġa li jirrevedi l-legalità tal-azzjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra jekk l-Awtorità tal-Ħatra ddikjarat li hija ssodisfat id-dmirijiet u l-obbligi legali tagħha;
—
it-tieni nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball meta ċaħad ir-rapport tal-Kumitat konġunt ta’ monitoraġġ bħala prova u naqas milli effettivament iqis in-nuqqas ta’ komparabbiltà misjuba fis-sorsi ta’ informazzjoni użati mill-Awtorità tal-Ħatra;
—
it-tielet nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball meta injora – mingħajr ġustifikazzjoni – l-eżistenza tal-argument u l-provi mressqa mill-appellant dwar l-evalwazzjoni matematika tal-metodoloġija tal-evalwazzjoni letterarja tal-Awtorità tal-Ħatra kif ukoll it-tieni parti totali tal-ewwel motiv;
—
ir-raba’ nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball fil-preżunzjoni tiegħu li assenza ta’ evalwazzjoni effettiva tal-merti komparattivi ma jistgħux jagħtu lok għal annullament ta’ deċiżjoni dwar promozzjoni.
2.
It-tieni aggravju, ibbażat fuq l-argument tal-appellant li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi fir-rigward tat-tieni motiv tiegħu:
—
l-ewwel nett, billi arbitrarjament illimita l-ambitu u l-applikabbiltà tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-appellanti taħt il-liġi tal-Unjoni b’mod inkompatibbli mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni; u
—
It-tieni, billi ċaħad it-tieni motiv tal-appellanti bħala infondat fuq raġunijiet manifestament żbaljati.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas li jsir stħarriġ ġudizzjarju imparzjali u effettiv, li jagħtu lok għal ksur tad-dritt tal-appellant għal rimedju effettiv, fejn l-appellant isostni li:
—
l-ewwel nett, l-Imħallef Relatur għamel dikjarazzjonijiet bi preġudizzju li juru imparzjalità suġġettiv fir-rapport preparatorju li minn qabel iddeċieda l-eżitu tal-motivi tar-appellanti;
—
it-tieni nett, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jirrikuża lill-Imħallef u jittrasferixxi l-kawża quddiem Awla differenti filwaqt li ammetta li d-dikjarazzjonijiet bi preġudizzju kkontestati ġew ukkupjati u ppestjati minn kawża differenti li tinvolvi rikorrenti differenti;
—
it-tielet nett, il-Qorti Ġenerali selettivament injorat u ċaħdet argumenti u provi kruċjali mingħajr kunsiderazzjoni jew reviżjoni. Bħala konklużjoni, l-appellanti tqis li d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv inkiser mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba li naqas milli jwettaq stħarriġ imparzjali u effettiva.