14.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 419/54
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2016 – Bowles vs BĊE
(Kawża T-677/16)
(2016/C 419/71)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Carlos Bowles (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement:
—
tannulla d-deċiżjoni tas-CSO, adottata fid-29 ta’ Frar 2016 b’delega tal-Bord Eżekuttiv u kkomunikata lill-persunal fil-11 ta’ Marzu 2016, li teskludi lir-rikorrent mill-eżerċizzju tal-ASA għas-sena 2016;
—
tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors speċjali tal-5 ta’ Lulju 2016 u riċevut fit-13 ta’ Lulju 2016;
—
tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali mġarrab mir-rikorrent li jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità li jikseb ASA fl-2016 stmat għal EUR 49 102;
—
tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent stmat ex aequo et bono għal EUR 15 000;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-Artikoli 12 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 51 tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-membri tal-persunal tal-BĊE (“kundizzjonijiet ta’ impjieg”), tad-dritt għall-karriera u għall-promozzjoni u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
—
Ir-rikorrent isostni li s-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (“TSP”) tal-15 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża F-94/14, Bowles vs BĊE għadha, sal-lum, ma ġietx eżegwita mill-BĊE. B’mod partikolari, ir-ċirkolari Nru 1/2011 dwar iż-żidied addizzjonali fis-salarju (“ASA”), iddikjarata illegali mit-TSP, la ma ġiet revokata u lanqas emendata.
—
Huwa jqis ukoll li, fl-assenza ta’ emenda leġiżlattiva, ir-rappreżentanti tal-persunal li jibbenefikaw minn dispensa mix-xogħol totali jew sostanzjali jinsabu mill-ġdid f’sitwazzjoni fejn huma qed jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li javvanzaw fis-salarju u fil-karriera, kuntrarjament għall-bqija tal-persunal tal-BĊE.
—
Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li l-esklużjoni tiegħu mill-eżerċizzju komparattiv wara liema tittieħed id-deċiżjoni mill-BĊE li tingħata ASA taffettwa l-legalità tagħha u li din l-esklużjoni, li hija fil-prattika definittiva, tiżvantaġġah manifestament u tiddiskrimina kontrih minħabba l-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal-persunal full-time.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Chief Services Officer (“CSO”) sabiex jiddeċiedi li ma jsegwix il-proċedura prevista miċ-ċirkolari Nru 1/2011 għal dak li jirrigwarda r-rikorrent.
—
Ir-rikorrent iqis li, ħlief għall-kompetenza li jiddeċiedi min ser jirċievi l-ASA, l-ebda kompetenza oħra fil-qasam tal-ASA ma ġiet iddelegata mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE lis-CSO, lanqas dik li jemenda ċ-ċirkolari Nru 1/2011 sabiex jeskludi ċerti membri tal-persunal mill-applikazzjoni tagħha.
—
Konsegwentement, is-CSO ma kellux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li ma japplikax iċ-ċirkolari Nru 1/2011 għar-rikorrent, b’tali mod li din kellha tiġi applikata għalih li kieku s-CSO aġixxa skont is-setgħat iddelegati lilu mill-Bord Eżekuttiv.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, u dan bi ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta u tal-Artikoli 48 u 49 tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg.
—
Ir-rikorrent isostni fl-aħħar nett li, jekk id-deċiżjoni tas-CSO kellha titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni li temenda ċ-ċirkolari Nru 1/2011, din id-deċiżjoni ma kinitx suġġetta għal konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat tal-Persunal. Billi din il-konsultazzjoni hija meħtieġa b’mod partikolari qabel kull emenda għaċ-ċirkolari Nru 1/2011, il-BĊE kellu għalhekk jikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal dwar din l-emenda.
Full & Egal Universal Law Academy