14.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 419/56
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2016 – Athletic Club vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-679/16)
(2016/C 419/73)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Athletic Club (Bilbao, Spanja) (rappreżentanti: E. Lucas Murillo de la Cueva u J. Luís Carrasco, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 4046 finali, tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.29769 (2013/C) (ex 2013/NN), mogħtija minn Spanja favur ċerti klabbs tal-futbol, sa fejn tikkonċerna l-Athletic Club;
—
tannulla l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 4046 finali, tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-għajnua mill-Istat SA.29769 (2013/C) (ex 2013/NN), mogħtija minn Spanja favur ċerti klabbs tal-futbol, sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija lill-Athletic Club, kif ukoll it-tneħħija tas-sistema ta’ taxxa fuq il-kumpaniji għall-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, kif din ġiet imposta fuq Athletic Club;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 4046 finali, tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.29769 (2013/C) (ex 2013/NN), mogħtija minn Spanja lil ċerti klabbs tal-futbol. Fir-rigward tar-rikorrent, din l-għajnuna tikkonsisti mill-benefiċċju fiskali li hija tkun kisbet, matul il-perijodu inkwistjoni, minħabba li kienet imposta bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u mhux skont is-sistema ġenerali ta’ taxxa fuq il-kumpanniji.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
—
F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fil-kuntest ġeografiku ta’ riferiment (Vizcaya), il-miżura eżaminata fid-deċiżjoni ma tistax titqies selettiva, minħabba li l-klabbs tal-futbol huma persuni ġuridiċi suġġetti għall-istess sistema u tip ta’ taxxa fuq il-kumpanniji.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
—
F’dan ir-rigward, hija tafferma d-differenza fit-taxxa bejn il-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru u l-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata hija ġġustifikata mid-differenzi essenzjali bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ persuni ġuridiċi.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
—
F’dan ir-rigward, hija tafferma li l-miżura eżaminata fid-deċiżjoni ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE u l-Artikoli 1(b)(i), 17, 18 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat 22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE u 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
—
F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għalkemm il-miżura eżaminata fid-deċiżjoni kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat, għandha, fi kwalunkwe każ, titqies bħala għajnuna eżistenti.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(1)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
—
F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, minħabba li ma eżaminatx l-elementi essenzjali tad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u ma weġbitx għall-allegazzjonijiet motivati tal-partijiet, u b’hekk injorat ir-rekwiżiti essenzjali tal-oneru tal-prova.
Full & Egal Universal Law Academy