28.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 441/26
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2016 – CJ vs ECDC
(Kawża T-692/16)
(2016/C 441/31)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: CJ (Agios Stefanos, il-Greċja) (rappreżentant: V. Kolias, avukat)
Konvenut: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata u konsegwentement tordna lill-ECDC jħallas lir-rikorrent ir-remunerazzjoni li huwa kien jirċievi mill-1 ta’ Mejju 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2014 kieku kien baqa’ fis-servizz tal-ECDC u li, fl-istennija ta’ dettalji min-naħa tal-ECDC u skont il-kalkoli mwettqa b’mod provviżorju mir-rikorrent, kienet tammonta għal EUR 140 000, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali;
—
tordna lill-ECDC iħallsu s-somma ta’ EUR 13 000 bħala kumpens għad-dannu morali;
—
tordna lill-ECDC ibati l-ispejjeż tiegħu stess u jħallas l-ispejjeż tiegħu f’din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ECDC kiser l-Artikolu 266 TFUE billi implementa b’mod żbaljat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi magħquda F-159/12 u F-161/12 CJ v ECDC, u jargumenta b’mod partikolari li:
—
minħabba li ċ-ċirkustanzi essenzjali ġew ittrasformati b’mod irrevokabbli, l-ECDC kien żbaljat meta ta effett retroattiv lid-deċiżjoni kkontestata;
—
l-ECDC kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li d-deċiżjoni kkontestata la kienet adatta u lanqas neċessarja sabiex jintlaħqu l-għan imfittex mit-tkeċċija li seħħet fl-2012 u li wara ġiet annullata;
—
l-ECDC wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta injora r-reklutaġġ frawdolenti tal-kap tas-servizz legali tal-ECDC;
—
l-ECDC kiser l-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal meta keċċa lir-rikorrent bħala reazzjoni tar-rapport tiegħu intitolat in tempore non suspecto li seħħ ftit qabel it-tkeċċija tiegħu, fatti li qajmu s-susspett ta’ ġestjoni finanzjarja ħażina fi ħdan l-ECDC.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-kumpens finanzjarju tad-dannu morali subit minħabba l-ksur, mill-ECDC, tal-Artikolu 266 TFUE u minħabba d-dikjarazzjoni tiegħu li r-rikorrent ipprova jippromwovi n-nepotiżmu.