16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/37
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Lulju 2016 fil-Kawża F-91/15, AV vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-701/16 P)
(2017/C 014/45)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kumissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Berardis-Kayser, T. S. Bohr u C. Ehrbar, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: AV (Cadrezzate, l-Italja)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kosposta bħala l-ewwel istanza;
—
tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq żewġ żbalji ta’ liġi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) kien wettaq. Fl-ewwel lok, it-TSP kien annulla d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Settembru 2014, li lill-parti l-oħra fil-proċedura tiġi applikata r-riżerva medika prevista fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea u li tirrifjutalha l-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità, minkejja li l-annullament ta’ deċiżjoni għal ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli huwa biss eċċezzjoni. Fit-tieni lok, it-TSP kien bi żball qies li d-dewmien eċċessiv fit-teħid ta’ deċiżjoni seta’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-appellanti tikkonstata ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ dan it-tieni aspett.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-fatt li, billi t-TSP kien annulla d-deċiżjoni kkontestata billi ddeċieda li t-terminu fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi kkunsidrat eċċessiv kellu effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.
Full & Egal Universal Law Academy