19.12.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 475/19
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2016 – PO et vs SEAE
(Kawża T-729/16)
(2016/C 475/29)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: PO (Brussell, il-Belġju), PP (Beijing, iċ-Ċina), PQ (Beijing), PR (Beijing) (rappreżentanti: N. de Montigny u J.-N. Louis, avukati)
Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Talbiet
—
tiddikjara u tiddeċiedi li tannulla:
—
id-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2015 li l-ispejjeż skolastiċi sostnuti mir-rikorrenti jiġu llimitati għal EUR 10 000;
—
fid-dawl tal-kuntest partikolari tan-notifika tal-att li jikkawża preġudizzju, sa fejn ikun neċessarju, il-posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2015 li wħud minnhom irċevew; sa fejn ikun neċessarju, l-iskeda ta’ evalwazzjoni tal-allowance u; fl-aħħar nett, safejn ikun neċessarju, l-iskeda ta’ remunerazzjoni tagħhom li ssemmi l-ammont tal-allowance rċevuta;
—
sa fejn ikun neċessarju, fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilment tagħhom tal-5 ta’ Lulju 2016;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq linji gwida, adottati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-31 ta’ Lulju 2014, li jiksru r-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness X tiegħu.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-imsemmija linji gwida.
3.
It-tielet motiv, maqsum f’erba’ partijiet, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjonijiet individwali.
—
L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet kweżiti, tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn kull wieħed mir-rikorrenti ddeċieda li jieħu l-familja tiegħu miegħu f’delegazzjoni fil-pajjiż ikkonċernat fuq il-preżunzjoni li 100 % tal-ispejjeż skolastiċi kienu ser jiġu rrimborsati.
—
It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn sistema ta’ rimbors addizzjonali limitata għall-ħlas ta’ rata fissa ta’ EUR 10 000 hekk stabbilita indipendentement mis-sitwazzjoni speċifika ta’ kull delegazzjoni tammonta għal trattament identiku ta’ sitwazzjonijiet differenti.
—
It-tielet parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tad-dritt għall-edukazzjoni, sa fejn is-SEAE jimponi piż finanzjarju qawwi fuq ċerti familji ta’ uffiċjali jew membri tal-persunal, liema familji jkollhom għalhekk jew jiddeċiedu li jaffaċċjaw din is-sitwazzjoni sabiex joffru lil uliedhom edukazzjoni ekwivalenti għal dik ta’ wlied il-kollegi tagħhom, jew jisseparaw minn xulxin u joffru tali edukazzjoni, bi spiża iktar baxxa, f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
—
Ir-raba’ parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ bbilanċjar effettiv tal-interessi u ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ kull deċiżjoni adottata, b’mod partikolari sa fejn il-konvenut ma weriex li l-għan li fittex li jilħaq kien jiġġustifika l-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, li huwa invokat minn tlieta mir-rikorrenti. Tnejn minnhom iqisu li tali żball twettaq fl-analiżi taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li kienu tressqu fit-talba tagħhom għal rimbors, u l-aħħar rikorrent iqis li tali żball jirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż addizzjonali għat-tagħlim tal-lingwa materna.