12.12.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 462/36
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2016 – Perifereia Stereas Elladas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-731/16)
(2016/C 462/46)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Perifereia Stereas Elladas (Lamia, il-Greċja) (rappreżentant: K. Bakas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-10 ta’ Awwissu 2016, Nru 4310049 [Ref. Ares(2016) 4310049 – 10/08/2016] tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea, iffirmat mid-Direttur tal-Affarijiet Soċjali, li permezz tiegħu ġiet miċħuda l-proposta ta’ finanzjament tat-3 ta’ Diċembru 2015 ippreżentata mill-konsorzju mal-partner ewlieni tat-rikorrenti għall-programm tal-Kummissjoni Ewropea għall-impjieg u l-innovazzjoni soċjali EASI (PROGRESS AXIS) 2014-2020 għal politiki soċjali innovattivi sabiex jiġu implementati r-riformi fis-servizzi soċjali b’sejħa għall-proposti Nru VP/2 15/011e;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti u l-ispejjeż tal-avukat tagħha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni Ewropea tal-kontenut tal-proposta tar-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti ssostni li, jekk wieħed jitlaq mill-punt li r-rifjut kien sar għal raġunijiet formali, l-att ikkontestat għandu jiġi annullat peress li jikser il-prinċipji Komunitarji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza peress li, filwaqt li minħabba problemi tekniċi ngħatat estensjoni lill-kandidati li ma kinux ippreżentaw proposta, possibbiltà simili, madankollu, ma ngħatatx lill-kandidati li kienu ppreżentaw il-proposti tagħhom sabiex issir korrezzjoni jew inklużjoni jiġifieri sabiex jipprovdu kjarifiki.