9.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/41
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2016 – Stemcor London and Samac Steel Supplies vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-749/16)
(2017/C 006/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Stemcor London Ltd (Londra, ir-Renju Unit), Samac Steel Supplies Ltd (Londra) (rappreżentanti: F. Di Gianni u C. Van Hemelrijck, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tanulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1329, tad-29 ta’ Lulju 2016, li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet reġistrati ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU 2016, L 210, p. 27), u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-“konoxxenza tal-imporatur” stabbilita fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament antidumping bażiku (UE) 2016/1036 huma żbaljati u illegali.
—
L-ewwel parti: l-interpretazzjoni mogħtija fir-Regolament (UE) 2016/1329 (ir-“Regolament ikkontestat”) dwar il-kundizzjoni tal-konoxxenza tal-importatur stabbilita fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament antidumping bażiku (UE) 2016/1036 hija żbaljata u illegali.
—
It-tieni parti: interpretazzjoni tal-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament antidumping bażiku (UE) 2016/1036 fid-dawl tal-mezzi ferm stabbiliti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-Ftehim dwar l-antidumping tad-WTO tindika li, sabiex tiddetermina jekk tali kundizzjoni hijiex issodisfatta, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konoxxenza konkreta tal-importatur.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni taż-“żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet” kienet ibbażata, b’mod żbaljat, fuq perijodu li beda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u li spiċċa fl-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-interpretazzjoni użata fir-Regolament ikkontestat dwar il-kundizzjoni tal-“imminar serjament tal-effett rimedjali” stabbilita fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament antidumping bażiku (UE) 2016/1036 hija żbaljata u illegali.
—
L-ewwel parti: il-Kummissjoni wettqet, b’mod żbaljat, evalwazzjoni globali tal-kundizzjoni tal-‘imminar serjament tal-effett rimedjali stabbilita fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, meta kien imissha wettqet analiżi individwali tal-aġir ta’ kull importatur sabiex tiddetermina jekk l-importazzjonijiet tiegħu kinux qegħdin jikkontribwixxu għall-allegat imminar serjament tal-effetti rimedjali tad-dazji.
—
It-tieni parti: ir-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat sa fejn jikkonkludi li l-applikazzjoni retroattivament ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet li seħħew matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni kienet ser tevita li l-effetti rimedjali tad-dazji jiġu mminati serjament.