16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/38
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2016 – Novolipetsk Steel vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-752/16)
(2017/C 014/47)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: PAO Novolipetsk Steel (Lipetsk, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Evtimov, avukat u D. O’Keeffe, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328, tad-29 ta’ Lulju 2016, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa, ippubblikat fil-ĠU L 210 tal-4 ta’ Awwissu 2016 fl-intier tiegħu sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, inkluż id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, tal-Artikolu 6.8 u tal-Anness II tal-ADA, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat lir-rikorrenti bħal produttur li ma huwiex juri kooperazzjoni u billi applikat fatti li kienu disponibbli għaliha.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3(2) u (5) tar-Regolament Bażiku (1) u tal-Artikolu 3.1 tal-ADA (2), l-iżnaturament tal-provi quddiemha u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi evalwat b’mod żbaljat l-indikaturi tal-ħsara u ma wettqitx eżami oġġettiv tal-istat tal-industrija tal-Unjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni straħet biss fuq indikaturi ekonomiċi speċifiċi tal-istat tal-industrija tal-Unjoni u naqset milli tikkunsidra indikaturi ewlenin li kienu jindikaw stat differenti u iktar pożittiv tal-industrija tal-Unjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni kien inklinat li jiffavorixxi s-sejbiet li għamlet dwar id-dannu u li jiżnatura l-provi quddiemha billi naqset milli teżamina s-swieq “ħielsa” u “magħluqa” tal-prodott ikkonċernat flimkien u dan bi ksur tad-dmir tagħha li twettaq evalwazzjoni oġġettiva skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Bażiku, peress li evalwat b’mod żbaljat ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet allegatament suġġett ta’ dumping u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li ma tattribwixxix fatturi oħra li jikkawżaw dannu lill-importazzjonijiet allegatament suġġett ta’ dumping u li naqset milli tikkunsidra fatturi oħra li flimkien kienu kapaċi jkissru r-rabta kawżali.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, bi ksur tal-Artikoli 2(9), 9(4) tar-Regolament Bażiku u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeterminat marġni ta’ profitt mhux raġonevoli u eċċessiv għall-industrija tal-Unjoni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni, għal skopijiet ta’ marġini ta’ ħsara, u b’analoġija, tal-aġġustament għall-bejgħ raġonevoli, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitt ta’ importatur mhux relatat, previst fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).
(2) Ftehim antidumping tad-WTO.
Full & Egal Universal Law Academy