9.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/46
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2016 – PY vs EUCAP Saher Niger
(Kawża T-763/16)
(2017/C 006/58)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: PY (Souffelweyersheim, Franza) (rappreżentanti: S. Rodrigues u A. Tymen, avukati)
Konvenuta: EUCAP Sahel Niger (Niamey, in-Niġer)
Talbiet
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
għaldaqstant:
—
tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Missjoni fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE;
—
tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali mġarrab mir-rikorrent;
—
tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent stmat għal EUR 70 000;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur kuntrattwali mwettaq mill-Missjoni EUCAP Sahel Niger (iktar ’il quddiem il-“Missjoni”) u li jagħti lok għar-responsabbiltà kuntrattwali ta’ din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE
Ir-rikorrent, ex membru tal-persunal tal-Missjoni, jiddenunċja n-nuqqasijiet kuntrattwali tal-Missjoni relatati mal-proċeduri ta’ investigazzjoni interna u ta’ protezzjoni tal-vittmi fil-każ ta’ denunċja ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol. Minħabba n-nuqqas tal-Missjoni li taġixxi u li tiftaħ investigazzjoni interna, is-sitwazzjoni ta’ fastidju ddenunċjata mir-rikorrent kompliet, saret iktar gravi u kellha effetti ħżiena sostanzjali fuq l-istat ta’ saħħa tiegħu, fatt li wassal għar-ripatriazzjoni urġenti tiegħu. Ir-rikorrent qatt ma seta’ jerġa jkompli l-funzjonijiet tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu.
Għaldaqstant, ir-rikorrent jitlob il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab, li jirriżulta, mill-fatt li huwa kien forzat jissubixxi s-sitwazzjoni ta’ fastidju, minkejja li din kienet ġiet iddenunċjata, għal xhur twal, fatt li seta’ ġie evitat mill-Missjoni, mill-fatt li huwa kien forzat jieqaf mill-attività professjonali tiegħu u, fl-aħħar nett, mid-deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu, u b’mod partikolari mill-istat depressiv li ilu jbati minnu minn dak iż-żmien. Huwa jitlob ukoll il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu finanzjarju li huwa ġarrab li jirriżulta mit-telf tar-remunerazzjoni tiegħu wara 30 jum ta’ leave tal-mard u mit-telf tal-possibbiltà li l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu jiġġedded.