16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/42
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Novembru 2016 – Paulini vs BĊE
(Kawża T-764/16)
(2017/C 014/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Jörn Paulini (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015, kif emendata fl-10 ta’ Frar 2016, li tinforma lir-rikorrent bil-benefiċċju li ngħatalu taħt ir-reviżjoni annwali tas-salarju u tal-bonus (ASBR) għall-2015;
—
tagħti lir-rikorrent kumpens għad-dannu materjali kif deskritt fil-punti 99 sa 103 tar-rikors;
—
tagħti lir-rikorrent kumpens għad-dannu morali subit, stmat għal EUR 10 000;
—
tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-linji gwida ASBR tal-2015 sa fejn dawn jiksru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 51 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-Artikoli 12 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sussidjarjament, ir-rikorrent jallega l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikser il-linji gwida 2015 jew fejn hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Ir-rikorrent jqis li l-linji gwida 2015 huma illegali sa fejn dawn huma ta’ żvantaġġ għall-membri tal-persunal li għandhom disponibbiltà limitata għaż-żona ta’ xogħol tagħhom għal raġunijiet li ma kellhomx kontroll fuqhom, bħal leave tal-mard, xogħol part time minħabba diżabbiltà jew eżenzjoni mis-servizz sabiex iwettqu attivitajiet fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal (jew kombinazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet), imqabbla mal-kollegi tagħhom disponibbli full time għaż-żona ta’ xogħol tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata li ġiet adottata fuq il-bażi ta’ linji gwida ASBR illegali hija, konsegwentement, illegali.
Sussidjarjament, anki jekk il-linji gwida 2015 ikun legali, ir-rikorrent iqis madankollu li d-deċiżjoni kkontestata tikser dawn il-linji gwida sa fejn dawn il-perijodi ta’ assenza tiegħu ġew użati bħala element ta’ diskriminazzjoni fil-każ tiegħu u li huma għandhom, barra minn hekk, jiġu interpretati bħala li juru attitudni pożittiva li jippermettu influwenza pożittivament fuq il-benefiċċju ASBR. Il-fatturi kollha għandhom jiġu evalwati skont il-linji gwida 2015 kellhom kjarament iwasslui għal benefiċċju ASBR ogħla.
2.
It-tieni motiv ibbażat, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-formula applikabbli għall-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal li għandu eżenzjoni tas-servizz, tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma nnewtralizzatx l-assenzi għal leave tal-mard u kisret, għaldaqstant, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikoli 12 u 21 tal-Karta u l-Artikolu 51 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Sussidjarjament, fil-każ li d-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 ma tippermettix in-newtralizzazzjoni tal-leave tal-mard, ir-rikorrent jinvoka l-illegalità tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 f’dan ir-rigward.
Ir-rikorrent iqis li l-BĊE kellu jinnewtralizza l-assenza tiegħu għal leave tal-mard, kif jirriżulta mil-deroga tiegħu mis-servizz għal Jannar u Frar 2015, meta kkalkola l-benefiċċju tiegħu taħt l-ASBR għall-attivitajiet tiegħu bħala membru tal-Kumitat Persunal permezz tal-formula tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008.
Fil-każ li d-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 ma toffrix din il-possibbiltà, ir-rikorrent jikkontesta b’dan ir-rikors, sussidjarjament, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni f’dan ir-rigward, peress li l-membri tal-Kumitat tal-Persunal, li l-dispensa mis-servizz tagħhom kellha tiġi assenjata għal raġunijiet ta’ assenza ta’ oriġini medika, għandhom żvantaġġ meta mqabbla mal-kollegi tagħhom li jaħdmu full time, minkejja prestazzjonijiet jew riżultati simili, u huma żvantaġġati minħabba l-involviment tagħhom fil-Kumitat tal-Persunal.
3.
It-tielet motiv ibbażat, dwar il-prattika tal-arrotondament, fuq il-ksur tad-deċiżjoni tal-BĊE tat-18 ta’ Diċembru 2008 sa fejn din id-deċiżjoni ma tippermettix l-arrotondament għall-membri tal-tal-Kumitat tal-Persunal. Sussidjarjament, jekk id-deċiżjoni tawtorizza l-arrotondament għall-membri tal-Kumitat tal-Persunal, hija ikun manifestament inġustifikata u mhux xierqa f’dan ir-rigward.
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-każ li din id-deċiżjoni ser tiġi tinterpreta fis-sens li ma tawtorizzax lill-BĊE sabiex jinnewtralizza l-leave tal-mard tar-rikorrent billi tapplika l-formola stabbilita għall-kalkolu tal-benefiċċji ASBR. F’dan il-motiv, huwa jikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni f’dan ir-rigward biss. Barra minn hekk, il-BĊE uża prattika li tikkonsisti fl-arrotondament tar-riżultat tal-formula sabiex jikkonverti f’punti ta’ indiċi, u wara jikkonverti mill-ġdid dawn il-punti arrotondati f’perċentwali sabiex jiddetermina ż-żieda tas-salarju mogħtija lill-membru tal-persunal.
Ir-rikorrent jikkontesta din il-prattika li ma għandha ebda ġuridika fir-regoli applikabbli u, b’mod partikolari, fid-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008. Sussidjarjament, fil-każ li d-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 tista' tiġi interpretata bħala li tawtorizza l-arrotondar tal-benefiċċji ASBR mogħtija lill-membri tal-Kumitat tal-Persunal, din id-deċiżjoni hija illegali f’dan ir-rigward għaliex hija manifestament mhux iġġustifikata u mhux xierqa.
Full & Egal Universal Law Academy