16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/44
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novemrbu 2016 – Picard vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-769/16)
(2017/C 014/52)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Maxime Picard (Hettange-Grande, Franza) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni li tiffissa minn qabel ċerti elementi tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu jew in-nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni imposta mir-Regolamenti tal-Persunal b’riżultat tal-messaġġ mibgħut fl-4 ta’ Jannar 2016 lir-rikorrent minn persuna responsabbli għas-Settur 001 “Pensjonijiet” tal-Unità 4 tal-PMO li jinformah, b’risposta għat-talba tiegħu tal-istess jum, li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienu nbidlu b’riżultat tar-reklutaġġ tiegħu mill-ġdid fil-Grupp ta’ Funzjonijiet II b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2014, peress li l-età pensjonabbli tiegħu kienet saret 66 sena u r-rata ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu kienet saret 1,8 % mill-1 ta’ Ġunju 2014;
—
tannulla, sa fejn ikun neċessarju, id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2016 tad-Direttur tad-Direttorat E tad-Direttorat Ġenerali tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni, sa fejn hija tiċħad bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju u sussidjarjament bħala infondat, l-ilment tar-rikorrent tal-1 ta’ April 2016 kontra d-deċiżjoni jew l-assenza ta’ deċiżjoni li tirriżulta mill-messaġġ tal-4 ta’ Jannar 2016;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tat-tieni u tal-ħames paragrafi tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII ta’ dawn ir-regolamenti, applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 109 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (Kondizzjonijiet tal-impjieg), li bihom huwa vvizzjat il-messaġġ tal-4 ta’ Jannar 2016, sa fejn id-data ta’ dħul fis-servizz meħuda inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kienet dik tal-1 ta’ Ġunju 2014, id-data li fiha daħal fis-seħħ il-kuntratt li permezz tiegħu r-rikorrent daħal fil-Grupp ta’ Funzjonijiet II (“GF II”) b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, meta din id-data messha kienet l-1 ta’ Lulju 2008, id-data li fiha huwa daħal inizjalment fis-servizz tal-Kummissjoni, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-Grupp ta’ Funzjonijiet I.
Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet:
—
L-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li s-Settur 1 tal-Unità 4 tal-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas tad-Drittijiet Individwali (“PMO”) u d-Direttur tad-Direttorat E tad-Direttorat Ġenerali tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni (“DGHR”) żbaljaw meta qiesu, għar-raġuni li l-kuntratt tad-19 ta’ Mejju 2014 li permezz tiegħu r-rikorrent kien daħal fil-GF II kien ġdid u kien ta lok għal reklutaġġ ġdid, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinux applikabbli għalih, b’mod li, min-naħa l-oħra, il-ħames u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu applikabbli għalih, meta d-data ta’ dħul fis-servizz prevista mill-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII hija dik tal-ewwel reklutaġġ.
—
It-tieni parti, ibbażata fuq l-iżball li s-Settur 1 tal-Unità tal-PMO u d-Direttur tad-Direttorat E tad-DGHR wettqu wkoll meta qiesu, għar-raġuni li l-kuntratt tad-19 ta’ Mejju 2014 li permezz tiegħu r-rikorrent kien daħal fil-GF II kien jikkostitwixxi qtugħ ta’ kontinwità fil-karriera tiegħu, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinux applikabbli għalih, b’mod li, min-naħa l-oħra, il-ħames u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu applikabbli għalih, meta dan il-kuntratt kien jifforma parti mill-kontinwità tal-karriera tiegħu peress li l-għan u l-effett tiegħu kienu li huwa jiġi kklassifikat mill-ġdid mingħajr ebda bdil fil-funzjonijiet tiegħu ħlief għal bdil formali.
Full & Egal Universal Law Academy