23.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 22/39
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2016 – Il-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-783/16)
(2017/C 022/54)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Il-Gvern ta’ Ġibiltà (Ġibiltà) (rappreżentanti: M. Llamas, QC, J. Temple Lang, solicitor, F.-C. Laprévote u C. Froitzheim, avukati
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-1 ta’ Ottubru 2014 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.34914(C/2013) (ex 2013/NN) – Reġim tat-Taxxa fuq l-Introjtu Korporattiva ta’ Ġibiltà;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż legali u għal spejjeż oħra relatati ma din il-kwistjoni sostnuti mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fiha ġie deċiż li d-deċiżjonijiet tat-taxxa (“tax ruling”) jistgħu jkunu għajnuna ġdida, hija vvizzjata bi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti.
Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrent isostni dan li ġej: l-ewwel nett, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx, sa mill-bidu, li jekk il-prattika tad-deċiżjonijiet tat-taxxa jew id-deċiżjonijiet tat-taxxa individwali jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn ikunu għajnuna eżistenti; it-tieni nett, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt meta affermat li s-Sezzjoni 42 tal-att dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-2010 hija l-bażi legali tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa; u t-tielet nett, li d-deċiżjoni ma hijiex immottivata fejn ġie ddikjarat li l-prattika ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa tikkostitwixxi għajnuna ġdida, dikjarazzjoni li hija kkontradetta mill-asserzjoni li l-prattika ta’ deċiżjonijiet tammonta għal “de facto scheme [skema de facto]”.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u hija bbażata fuq motivazzjoniinsuffiċjenti.
Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrent isostni dan li ġej: l-ewwel nett, li l-elementi li jiġġustifikaw estensjoni tal-ftugħ ta’ investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat huma manifestament assenti f’dan il-każ; it-tieni nett, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ fatt meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa jagħtu vantaġġ; it-tielet nett, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ fatt meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa huma selettivi; ir-raba’ nett, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ fatt meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa jistgħu jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u/jew ikollhom effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju; u l-ħames nett, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn id-direzzjoni inizjali tal-investigazzjoni inbidlet u sa fejn il-proċedura tal-att dwar id-dħul mill-bejgħ ġiet “estiża” b’mod artifiċjali għad-deċiżjonijiet.
Full & Egal Universal Law Academy