16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/49
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2016 – De Geoffroy et vs Il-Parlament
(Kawża T-788/16)
(2017/C 014/59)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Dominique De Geoffroy (Brussell, il-Belġju) u 14-il parti oħra (rappreżentanti: N. de Montigny u J. N. Louis, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
taqta’ u tiddeċiedi li:
—
il-Linji gwida tal-Parlament dwar il-leave (“Guidelines on leave”), ippubblikati fil-21 ta’ Marzu 2016, huma annullati;
—
id-deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2016 li tirrifjuta l-leave mitlub minn Stéphane Grosjean hija annullata;
—
id-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2016 li tilqa’ t-talba għal leave ta’ Françoise Joostens iżda li tintegra l-ġranet ta’ leave mitluba fil-kwota ta’ 3.5 ġranet hija annullata;
—
id-deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2016 li tirrifjuta l-leave mitlub minn Françoise Joostens hija annullata;
—
fi kwalunkwe każ, il-konvenut huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza totali ta’ motivazzjoni min-naħa tal-konvenut fid-dawl tal-assenza ta’ tweġiba għall-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-Linji gwida tal-Parlament dwar il-leave, ippubblikati fil-21 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem “il-Linji gwida kontenzjużi”).
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità li skont ir-rikorrenti twettqet permezz tal-adozzjoni tal-Linji gwida kontenzjużi mill-Parlament, minħabba ksur tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-drittijiet irrikonoxxuti mir-regoli interni dwar l-amministrazzjoni tal-leave, kif ukoll minħabba ksur tad-drittijiet kweżiti tar-rikorrenti.
—
B’hekk, iż-żewġ rikorrenti li huma d-destinatarji tat-tliet deċiżjonijiet individwali kkontestati, tat-2 ta’ Ġunju 2016, tat-13 ta’ Ġunju 2016 u tat-12 ta’ April 2016 rispettivament, fejn l-ewwel żewġ deċiżjonijiet jirrifjutaw il-leave li kien intalab filwaqt li l-aħħar waħda tilqa’ t-talba għal leave ta’ waħda minnhom iżda tintegra l-ġranet tal-leave mitluba fil-kwota ta’ 3,5 ġranet, iqisu li l-imsemmija deċiżjonijiet individwali jinvokaw l-istess motiv għall-finijiet tal-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-membri tal-persunal tal-Parlament meta ġew adottati l-Linji gwida kontenzjużi minn dan tal-aħħar, li twassal għal ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ bbilanċjar tal-interessi tal-istituzzjoni ma’ dawk tal-interpreti, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq abbuż ta’ dritt, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, li skont ir-rikorrenti twettqu mill-istituzzjoni konvenuta meta adottat il-Linji gwida kontenzjużi.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq id-diskriminazzjoni maħluqa bl-adozzjoni tal-Linji gwida kontenzjużi bejn, minn naħa, l-interpreti u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u tal-każijiet speċjali previsti permezz tal-imsemmija Linji gwida.
Full & Egal Universal Law Academy