16.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 14/52
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2016 – Real Madrid Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-791/16)
(2017/C 014/62)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Real Madrid Club de Fútbol (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: J. Pérez-Bustamante u F. Löwhagen, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali togħġobha:
—
Tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli;
—
Tannulla, kollha kemm hi, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2016 fil-Każ SA.33754 (2013/C) (ex 2013/NN).
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża qieset li t-trasferiment ta’ artijiet bejn ir-Real Madrid u l-Komun ta’ Madrid, sa fejn l-artijiet interessati f’din it-tranżazzjoni ġew eċċessivament stimati għall-valur ta’ EUR 18,4 miljuni, huwa għajnuna mill-istat.
Din id-deċiżjoni toriġina min-nuqqas ta’ twettiq, min-naħa tal-komun ta’ Madrid, tal-ftehim eżekuttiv tal-1998, li bih huwa impenja ruħu li jittrasferixxi lir-Real Madrid il-porzjon B-32 ġewwa Las Tablas. Il-Komun ta’ Madrid u r-Real Madrid irregolarizzaw din is-sitwazzjoni bil-ftehim tal-2011, li bih ġie mogħti kumpens lir-Real Madrid CF, li jikkonsisti fit-trasferiment tal-artijiet hawn fuq imsemmija.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Qed jiġi affermat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti hija u tasal għall-konklużjoni li l-ftehim tal-2011 wassal għal vantaġġ ekonomiku u, konsegwentement, huwa għajnuna mill-istat favur ir-rikorrenti. Permezz tal-ftehim tal-2011, il-Komun ta’ Madrid sempliċement irrikonoxxa r-responsabbiltà tiegħu għan-nuqqas ta’ twettiq tal-ftehim tal-1998. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, il-fatt li l-alternattivi għall-ftehim tal-2011, bħal, pereżempju, azzjoni ġudizzjarja, kienu jkunu ħafna iktar għaljin għall-komun.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif ukoll tal-priniċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.
—
Qed jiġi affermat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni wettqet żbalji serji ta’ evalwazzjoni, billi bbażat il-konklużjoni tagħha fuq perizja ta’ ebda valur probatorju u billi ċaħdet l-istimi l-oħra tal-porzjon B-32 li jinsabu fl-inkartament, mingħajr ma talbet il-parir tal-perit tagħha jew ta’ perit ieħor bi kwalifiki rilevanti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 107(1) u 296 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fid-determinazzjoni tal-valur tal-kumpens mogħti lir-Real Madrid bis-saħħa tal-ftehim tal-2011.
—
Qed jiġi affermat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma stmatx il-valur tal-proprjetajiet immobbli ttrasferiti lir-rikorrenti bis-saħħa tal-ftehim tal-2011 bħala kumpens, imma applikat mingħajr ebda motivazzjoni, u mingħajr ma rrispondiet għall-argumenti ddettaljati tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, il-valur mogħti lilhom mill-komun, minkejja li l-istess Kummissjoni rrifjutat stimi oħra (bħal dawk tal-porzjon B-32) imwettqa mill-komun abbażi tal-istess metodu.
Full & Egal Universal Law Academy