23.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 22/53
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2016 – QB vs BĊE
(Kawża T-827/16)
(2017/C 022/72)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: QB (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement,
—
tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu 2015 u d-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fis-7 ta’ Jannar 2016, li tiċħad lir-rikorrent il-benefiċċju ta’ progressjoni salarjali;
—
sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju 2016 u tal-15 ta’ Settembru 2016, li jiċħdu l-azzjoni amministrattiva u l-ilment tar-rikorrent, rispettivament;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-kumpens għad-dannu morali evalwat ex aequo et bono f’EUR 15 000;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-gwida ta’ evalwazzjoni u tal-proċedura, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, li twettqu mill-konvenut meta adotta r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu 2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż”). Ir-rikorrent jinvoka, b’mod partikolari, l-ilmenti li ġejjin:
—
l-assenza ta’ djalogu u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża;
—
ir-rapport kontenzjuż ma jidentifikax il-mezzi ta’ titjib u ma jistabbilixxix għanijiet fis-sens meħtieġ mill-gwida ta’ evalwazzjoni, fatt li jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura;
—
l-assenza ta’ intervent ta’ terz responsabbli.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità u fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), li jivvizzjaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż.
—
Fil-fatt, ir-rikorrent iqis li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ juru li l-evalwaturi u, b’mod partikolari, it-tieni evalwaturi, ma rnexxilhomx jissodisfaw ir-rwol tagħhom b’mod oġġettiv u imparzjali.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest. Fil-fatt, ir-rikorrent espona xi provi li jrendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula fir-rapport kontenzjuż.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015 li tiċħad lir-rikorrent il-benefiċċju ta’ progressjoni salarjali hija bbażata fuq rapport ta’ evalwazzjoni li huwa illegali.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida tal-2015 u tal-proċedura, u fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta sa fejn id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015 ma hijiex immotivata u r-rikorrent ma ngħatax smigħ qabel.
Full & Egal Universal Law Academy