23.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 22/55
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 – Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il-Parlament
(Kawża T-829/16)
(2017/C 022/74)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Mouvement pour une Europe des nations et des libertés (Pariġi, Franza) (rappreżentant: A. Varaut, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni D106185 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, tat-12 ta’ Settembru 2016, innotifikata minn [X] fis-26 ta’ Settembru, li tiddikjara l-ispejjeż li rriżultaw mill-wiri tal-mezzi viżivi promozzjonali tal-kampanja “Schengen” tal-MENL bħala ineliġibbli;
—
tikkundanna lill-Bureau tal-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-fatt li la l-elementi tal-proċess u lanqas l-oġġezzjonijiet tal-Mouvement pour une Europe des nations et des libertés (“MENL”) ma ġew mgħarrfa lill-Bureau tal-Parlament Ewropew.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li r-rikorrent iqis li l-kunċett ta’ “finanzjament indirett” tal-partiti nazzjonali mill-partiti Ewropej huwa kunċett mhux preċiż u li jmur kontra kull ċertezza legali.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-logo li jidher fuq il-mezzi viżivi promozzjonali tal-kampanja “Schengen” tal-MENL (iktar ’il quddiem il-“logo kontenzjuż”) tgħaddi fit-territorji nazzjonali kampanja ta’ natura esklużivament Ewropea, kuntrarjament għal dak li sostna l-konvenut meta adotta d-deċiżjoni li l-annullament tagħha huwa s-suġġett tar-rikors preżenti. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent iqajjem prinċipalment tliet argumenti, jiġifieri:
—
Il-kampanja ġiet orkestrata mill-MENL waħdu, mingħajr ftehim jew involviment tal-partiti nazzjonali;
—
Il-kampanja u l-poster jikkonċernaw problema ta’ portata Ewropea, jiġifieri dik tal-Ftehimiet ta’ Schengen;
—
Il-logo kontenzjuż għaldaqstant ma huwiex il-logo tal-partiti nazzjonali iżda l-logo tad-delegazzjonijiet ta’ dawn il-partiti fi ħdan il-Parlament Ewropew.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li r-rikorrent iqis li l-logo kontenzjuż huwa ta’ daqs ħafna iżgħar mil-logo tal-MENL. Issa, il-ġurispurudenza u t-testi li jittrattaw il-kwistjoni jipprevedu s-sanzjonar biss għal-logos nazzjonali ta’ daqs ikbar jew ekwivalenti għal dak tal-logos Ewropej.
Full & Egal Universal Law Academy