30.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/52
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 – Celio International vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-832/16)
(2017/C 030/60)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Celio International SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Gilliams u J. Bocken, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannula d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv [żejjed] SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mir-Renju tal-Belġju (1);
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni;
—
fi kwalunkwe każ, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn dawn l-artikoli (a) jordnaw l-irkupru mingħand entitajiet oħra li ma humiex dawk li bbenefikaw minn “deċiżjoni fiskali bil-quddiem dwar il-qligħ żejjed” kif iddefinita fid-Deċiżjoni, u (b) jordnaw l-irkupru ta’ ammont li jikkorrispondi għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-benefiċjarju mingħajr ma jippermettu lill-Belġju li jieħu inkunsiderazzjoni aġġustament għaż-żieda mwettqa minn amministrazzjoni tat-taxxa oħra; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, eċċess ta’ poter u nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa sa fejn id-Deċiżjoni tallega l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika din l-hekk imsejħa skema bħala miżura selettiva.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara li l-hekk imsejħa skema tagħti vantaġġ.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE, ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, żball manifest ta’ evalwazzjoni, eċċess ta’ poter u nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn d-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Belġju.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv [żejjed] SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju [notifikata bid-dokument numru C(2015) 9837] (ĠU L 260, 2016, p. 61.)