6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/36
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2016 – QC vs Il-Kunsill Ewropew
(Kawża T-834/16)
(2017/C 038/49)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrent: QC (Lesvos, il-Greċja) (rappreżentant: Ch. Ladis, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-“dikjarazzjoni UE-Turkija” tat-18 ta’ Marzu 2016, ippubblikata fl-istess ġurnata fl-istqarrija għall-istampa 144/16,
—
tiddikjara n-nullità tal-effetti kollha tagħha,
—
tiddeċiedi bi proċedura mħaffa,
—
tordna s-sospensjoni immedjata tal-eżekuzzjoni tal-ftehim.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li dan il-ftehim huwa vvizzjat bi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, bi ksur materjali tad-dritt u b’abbuż ta’ poter.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq rapporti rilevanti u fondati ta’ Amnesty International, li juru l-ksur imsemmi iktar 'il fuq kif ukoll il-kriżi umanitarja li tirriżulta mill-ftehim.
—
L-applikazzjoni tal-ftehim, li r-rikorrent jikkunsidra bħala ftehim internazzjonali proprja, wasslet għan-nuqqas ta’ applikazzjoni sistematiku tas-sistema ta’ ażil u għal ksur dirett tal-Konvenzjoni ta’ Genève.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq bulletin ta’ informazzjoni tad-deputati Ewropej tal-Grupp konfederali tax-xellug unit Ewropew.
—
Il-ftehim jikkostitwixxi “ksur gravi u kontinwu” tal-valuri tal-Unjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
—
Ir-rikors ikompli bl-argument internazzjonalment ipprovat li t-Turkija ma hijiex “pajjiż żgur”, fid-dawl tar-rikors għal tortura u għal diversi kundanni għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq it-TFUE.
—
Ir-rikors jikkritika l-fatt li d-dikjarazzjoni abbużivament imsejjħa b’dan il-mod, tinkludi ksur manifest tal-ħames parti, Titolu V, tat-TFUE, dwar il-ftehim internazzjonali.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-ftehim jikser ukoll id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk fir-rigward tad-dinjità tal-bniedem jew tar-“ritorn kollettivi” espressament ipprojbiti. B’mod iktar partikolari, ir-rikors jenfasizza l-ksur inkoxjenti, jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni volontarja, tad-direttivi espressament imsemmija dwar ir-risposta meħtieġa mill-Unjoni meta ffaċċjata bil-“fluss massiv” ta’ persuni fil-fruntieri tagħha, b’mod partikolari meta huma vulnerabbli, kif ukoll direttivi li jistabbilixxu l-proċedura fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u d-dritt ta’ ażil.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq dokumenti ta’ organizzazzjonijiet professjonali u affidabbli.
Ir-rikors jindika fil-fatt li, permezz ta’ din il-ftehim, l-Unjoni Ewropea pprovokat, kemm fil-Greċja kif ukoll fit-Turkija, konċentrazzjoni enormi ta’ persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ miżerja u fl-assenza ta’ kull dritt, u jista’ jkun ukoll li kienu vittmi ta’ trattament ħażin mill-forzi tal-ordni.
Fl-aħħar nett, ir-rikors huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li, ikkonfrontata b’tali realità umana u soċjali katastrofika, l-Unjoni Ewropea manifestament kisret l-obbligi tagħha ta’ dritt tal-Unjoni u internazzjonali.