6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/38
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – BP vs FRA
(Kawża T-838/16)
(2017/C 038/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: BP (Vienna, l-Awstrija) (rappreżentati minn: E. Lazar, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali
Talbiet tar-rikorrenti
—
tordna l-konvenuta tikkompensa d-dannu materjali u mhux materjali subit mir-rikorrenti bħala riżultat ta’ abbuż u kxif tad-data personal tiegħu/tagħha u diversi irregolaritajiet oħrajn li seħħew matul il-proċedimenti biex jiġu trattati t-talbiet tiegħu/tagħha għall-aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u t-talbiet tiegħu/tagħha għal aċċess ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001;
—
tordna l-konvenuta tikkompensa d-dannu materjali u mhux materjali subit mir-rikorrenti bħala riżultat ta’ ksur ta’ diversi regoli intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi;
—
tordna l-konvenuta tikkompensa d-dannu materjali u mhux materjali subit mir-rikorrenti minħabba l-azzjonijiet irregolari tal-konvenuta matul l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża T-658/13P;
—
tordna l-konvenuta tikkompensa d-dannu morali tar-rikorrenti;
—
tordna l-konvenuta tħallas id-danni materjali;
—
tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż legali mħallsa mir-rikorrenti talli fittxet parir legali fil-fażi prekontenzjuża;
—
tordna l-konvenuta tħallas interessi moratorji fuq l-ammont eventwalment mogħti;
—
tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż kollha, anki fil-każ li r-rikors ikun miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ regoli intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi, inkluż, fost oħrajn, ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tal-istess regolament u mar-regoli ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data previsti f’artikoli varji tar-Regolament Nru 45/2001 u f’regoli ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001, u ksur tad-dmir ta’ premura.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ kunfidenzjalità li wassal għall-kxif tad-data personali tar-rikorrenti lill-partijiet terzi u lill-istampa, u bbażat fuq abbuż ta’ poteri u nuqqas manifest u gravi tad-diliġenza u kura dovuta matul tranżazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data personali tar-rikorrenti.