30.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/58
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2016 – QI et vs Il-Kummissjoni u BĊE
(Kawża T-868/16)
(2017/C 030/66)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: QI (Ateni, il-Greċja) u 15-il rikorrent ieħor (rappreżentanti: S. Pappas u I. Ioannidis, avukati)
Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tikkundanna lill-Unjoni Ewropea u/jew lis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tħallashom għall-ammonti speċifikati fir-rikors, bħala kumpens għad-dannu subit mir-rikorrrenti għar-raġuni tal-parteċipazzjoni illegali tagħhom fir-ristrutturazzjoni tad-dejn tal-Gvern Grieg, minħabba l-attivazzjoni tal-klawżoli ta’ azzjoni kollettivi, kif aġġornati;
—
sussidjarjament, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea u/jew lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jħallsuhom l-ammonti speċifikati fir-rikors, bħala kumpens għad-dannu subit minħabba l-esklużjoni illegali tal-kredituri tas-settur pubbliku Grieg tar-ristrurazzazzjoni tad-dejn tal-Gvern Grieg;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-BĊE sabiex tħallashom kumpens għad-danni deskritti għall kull wieħed mir-rikorrenti fir-rikors u kkawżati mill-esklużjoni illegali tal-SEBĊ mir-ristrutturazzjoni tad-dejn tal-Gvern Grieg;
—
tikkundanna lill-BĊE u/jew lill-Unjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-azzjonijiet ultra vires u bi ksur tal-Artikoli 120 sa 126, 127 u 352(1) TFUE, mill-Unjoni u/jew mill-Bank Ċentrali Ewropew u mis-SEBĊ.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq li l-azzjonijiet tal-BĊE u tas-SEBĊ, b’mod partikolari dwar l-esklużjoni tas-SEBĊ mir-ristrutturazzjoni, jiksru l-Artikolu 123 TFUE.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-azzjonijiet tal-Unjoni u/jew tal-BĊE u tas-SEBĊ jiksru d-drittijiet tal-proprjetà tar-rikorrenti, protetti mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-azzjonijiet tal-Unjoni u/jew tal-BĊE u tas-SEBĊ jiksru l-moviment liberu tal-kapital protett mill-Artikolu 63 TFUE.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-azzjonijiet tal-Unjoni u/jew tal-BĊE u tas-SEBĊ jiksru d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti, protett fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.