6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/50
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2016 – Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-873/16)
(2017/C 038/66)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Groupe Canal + (Issy-les-Moulineaux, Franza) (rappreżentanti: P. Wilhelm, P. Gassenbach u O. de Juvigny, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
prinċipalment,
—
tiddikjara bħala nulla u bla effett id-deċiżjoni Nru AT.40023 tas-26 ta’ Lulju 2016 (Artikolu 264 TFUE);
—
sussidjarjament,
—
tannulla d-deċiżjoni Nru AT.40023 tas-26 ta’ Lulju 2016 kkontestata, sa fejn tikkonċerna s-suq Franċiż u l-kuntratti eżistenti jew futuri ta’ GROUPE CANAL +;
—
tagħti kwanlunkwe digriet li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra xieraq;
—
tikkundanna lill-Kummisjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-kumpannija GROUPE CANAL +.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta kkunsidrat il-kuntratt konkluż bejn GROUP CANAL + u Pictures International Limited (iktar 'il quddiem “Paramount”) bħala li huwa kuntrarju, minħabba l-għan tiegħu, għall-Artikolu 101(1) TFUE u meta kkunsidrat li l-impenji proposti minn Paramount ma kinux jaffettwaw id-diversità kulturali u b’mod iktar ġenerali l-finanzjament u l-użu ta’ films fiż-ŻEE. Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.
—
L-ewwel parti, ibbażata fuq il-kompatibbiltà tal-klawżoli pprojbiti mad-dritt tal-akkordji. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata biss fid-dawl ta’ perċezzjoni wiesa’ u żbaljata fid-dritt tal-kunċett ta’ għan antikompetittiv, li wassal lill-Kummissjoni Ewropea tastjeni milli tanalizza, jew tal-anqas turi, l-effetti tal-klawżoli ta’ territorjalità. It-tieni nett, l-evalwazzjoni tan-natura allegatament antikompetittiva tal-klawżoli ta’ territorjalità li jirriżultaw unikament minn interpretazzjoni ħażina tal-funzjonament tas-suq tat-televixin bi ħlas. It-tielet nett, il-klawżoli ta’ esklużività territorjali li l-Kummissjoni tqis li huma antikompetittivi huma għall-kuntrarju neċessarji għal kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu effettiva fuq is-suq tat-televixin bi ħlas.
—
It-tieni parti, bbażata fuq il-preġudizzju għad-diversità kulturali, għall-finanzjament u l-użu ta’ films wara li ngħatat id-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tillimita l-finanzjament tal-offerta awdjoviżiva b’espressjoni oriġinali Franċiża, u b’hekk tħassar il-kompetizzjoni fuq is-suq tat-televixin bi ħlas. It-tieni nett, billi tillimita l-finanzjament tal-offerta awdjoviżiva, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tillimita l-kwalità u d-diversità tal-offerta proposta lill-konsumatur.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni manifestament qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta aċċettat impenji ta’ natura li jirrispondu għat-tħassib ta’ kompetizzjoni li ma kinitx esprimiet fl-evalwazzjoni preliminari tagħha. Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.
—
L-ewwel parti, skont liema d-deċiżjoni kkontestata tapplika għal impenji li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti kollha konklużi max-xandara tat-televiżjoni taż-ŻEE meta l-evalwazzjoni preliminari kienet tinkludi biss il-kuntratti li jikkonċernaw drittijiet esklużivi għar-Renju Unit u l-Irlanda.
—
It-tieni parti, skont liema l-fomulazzjoni tal-impenji twassal sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħhom fir-Renju Unit ladarba dan ikun telaq mill-Unjoni Ewropea filwaqt li dawn ikomplu japplikaw fuq is-swieq l-oħra li ma humiex imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ma ġewx analizzati mill-Kummissjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur manifest mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-motiv huwa magħmul minn tliet partijiet.
—
L-ewwel nett, l-impenji li saru vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex adegwati għat-tħassib ta’ kompetizzjoni mqajjem preliminarjament mill-Kummissjoni.
—
It-tieni nett, l-impenji li saru obbligatorji permezz tad-deċiżjoni kkontestata jmorru kontra l-interessi ta’ terzi persuni, li jikser il-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri u jiġġustifika l-annullament tagħhom.
—
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali għandha tirrikonoxxi l-ħtieġa għall-Kummissjoni li tiżgura l-proporzjonalità tal-impenji fil-konfronti tat-terzi persuni kkonċernati.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kummissjoni, peress li l-impenji li hija għamlet obbligatorji jinferixxu fil-proċess leġiżlattiv għaddej quddiem il-Parlament Ewropew, li esprima riżervi u preokkupazzjonijiet dwar it-tħassir tat-territorjalità tal-liċenzji fis-settur awdjoviżiv u l-impatt tiegħu fuq il-finanzjament taċ-ċinema, il-konċentrazzjoni tas-settur u d-diversità kulturali. Il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda kont, u b’hekk indebitament antiċipat ir-riżultat ta’ diskussjonijiet importanti leġiżlattivi peress li mexxiet negozzjati ma’ impriża waħda mhux Ewropea, jiġifieri Paramount. Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.
—
L-ewwel parti, skont liema d-deċiżjoni kkontestata tilħaq għan li jaqa’ taħt il-kompetenzi u l-għanijiet tal-leġiżlatur u mhux tal-Kummissjoni li b’hekk issostitwiet ruħha għal-leġiżlatur Ewropew.
—
It-tieni parti, skont liema s-sensiela ta’ indizji mressqa minn GROUPE CANAL + hija ta’ natura li tikkostitwixxi bidu ta’ prova suffiċjenti sabiex tqajjem dubju serju dwar ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.