13.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/24
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2016 – HJ vs EMA
(Kawża T-881/16)
(2017/C 046/27)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: HJ (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Levi u A. Blot, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
Talbiet
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ euro simboliku lir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab;
—
tordna lill-konvenuta tirtira l-memorandum tat-22 ta’ Lulju 2015 u, konsegwentement, ir-risposta mogħtija mir-rikorrenti fit-23 ta’ Lulju 2015, mill-fajl personali ta’ din tal-aħħar;
—
sa fejn ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (ASTK) tal-21 ta’ Marzu 2016 li tiċħad it-talba għad-danni tar-rikorrenti mressqa fis-26 ta’ Novembru 2015 u tannulla d-deċiżjoni tal-ASTK tad-19 ta’ Ottubru 2016 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tal-20 ta’ Ġunju 2016 kontra d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, li permezz tiegħu hija ssostni li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat, huma ssodisfatti f’dan il-każ. Skont ir-rikorrenti, id-dokumenti fil-fajl personali tagħha, li ġew reżi pubbliċi u aċċessibbli għal kwalunkwe membru tal-persunal tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini matul ċertu perijodu, ma ġewx ipproċessati b’mod leali u leġittimu, iżda ġew ipproċessati għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom kienu nġabru mingħajr ma dan it-tibdil fl-iskop ġie awtorizzat mir-rikorrenti. Konsegwentement, it-tixrid ta’ din id-data sensittiva qiegħdet fid-dubju l-integrità tar-rikorrenti, u b’hekk ikkawżalha dannu morali reali u ċert. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, dan id-dannu għandu jiġi imputat kompletament lill-aġir illegali tal-Aġenzija.