20.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 53/37
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2016 – Apple Sales International u Apple Operations Europe vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-892/16)
(2017/C 053/46)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Apple Sales International (Cork, l-Irlanda) u Apple Operations Europe (Cork, l-Irlanda) (rappreżentanti: A. von Bonin u E. van der Stok, avukati, D. Beard QC, A. Bates, L. Osepciu u J. Bourke, Barristers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Awwissu 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat S.A.38373 (2014/C) (ex 2014/NN) (ex 2014/CP) implementata mill-Irlanda għal Apple;
—
alternativament, tannulla d-deċiżjoni parzjalment; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erbatax-il motiv.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-liġi Irlandiża.
—
Ir-rikorrenti jikkunsidraw li bħala kumpanniji Irlandiżi mhux residenti, huma kienu biss responsabbli li jħallsu t-taxxa tal-korporazzjonijiet Irlandiża taħt l-Artikolu 25 tal-Att dwar il-Konsolidazzjoni tat-Taxxi 1997 fuq “profitti li jistgħu jiġu ntaxxati” attribwibbli lill-attivitajiet imwettqa mill-fergħat Irlandiżi tagħhom. L-Opinjonijiet jirriflettu b’mod xieraq il-“profitti li jistgħu jiġu ntaxxati” tal-fergħat u li għalhekk ma tawx vantaġġ. Il-Kummissjoni żbaljat ukoll meta kkonstatat li l-allokazzjoni ta’ profitt taħt l-Artikolu 25 għandu jkun taħt il-“prinċipju ta’ tul ta’ driegħ” (il-“PTD”).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-PTD ma joperax bħala t-test għall-għajnuna mill-Istat f’evalwazzjonijiet tat-taxxa skont l-Artikolu 107 TFUE.
—
Il-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkonstatat li l-Artikolu 107(1) TFUE kien jeħtieġ li l-Irlanda tikkalkola l-profitti taxxabbli tar-rikorrenti skont l-Artikolu 25 skont il-PTD tal-Kummissjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji fundamentali relatati mal-attivitajiet tar-rikorrenti barra mill-Irlanda.
—
Il-Kummissjoni wettqet żbalji fundamentali billi naqqset milli tirrikonoxxi li l-attivitajiet li jipproduċu l-profitt tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-proprjetà intelletwali (“PI tal-Apple”), kienu kkontrollati u mmaniġġjati fl-Istati Uniti. Il-profitti minn dawk l-attivitajiet kienu attribwibbli lill-Istati Uniti u mhux lill-Irlanda. Il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat biss il-minuti tal-laqgħat tal-bord u injorat kull evidenza oħra tal-attivitajiet.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji fundamentali relatati mal-attivitajiet tar-rikorrenti ġewwa l-Irlanda.
—
Il-Kummissjoni naqqset milli tirrikonoxxi li l-fergħat Irlandiżi wettqu biss funzjonijiet ta’ rutina u ma kinux involuti fl-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-PI tal-Apple li jipproduċi l-profitti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-preżunzjonijiet tal-Kummissjoni kienu jmorru kontra l-oneru tal-prova, il-linji gwida tal-OECD u l-evidenza tal-esperti unanima; il-konklużjoni hija awto kontradittorja.
—
Il-Kummissjoni ppreżumiet li l-attivitajiet kruċjali li jagħmlu profitt tar-rikorrenti kienu attribwibbli lill-fergħat Irlandiżi mingħajr ma saret evalwazzjoni tal-evidenza, inkluż evidenza tal-esperti estensiva li turi li l-profitti ma kinux attribwibbli lill-attivitajiet fl-Irlanda.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti kienu ttrattati bl-istess mod bħall-persuni taxxabbli iżda mhux residenti oħrajn fl-Irlanda u ma ngħatawx trattament selettiv.
—
Il-Kummissjoni naqqset milli tipprova s-selettività; ittrattat b’mod żbaljat ir-rikorrenti daqslikieku kienu kumpanniji residenti fl-Irlanda u bħallikieku għandhom jiġu ntaxxati fuq il-profitti dinjija tagħhom.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-linja primarja għandha tiġi annullata għal ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali.
—
Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ma artikolatx il-linja primarja ta’ raġunament. Likieku għamlet hekk, Apple kienet tkun tista’ tippreżenta evidenza li setgħet u kellha tbiddel ir-riżultat.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li kien hemm żbalji ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni mill-Kummissjoni tat-TNMM għall-fergħat Irlandiżi taħt il-linja sussidjarja.
—
Il-linja sussidjarja tal-Kummissjoni tiċħad b’mod żbaljat l-evidenza tal-esperti u tonqos milli tartikola x’kienet tkun analiżi ta’ allokazzjoni ta’ profitt korretta.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-linja alternattiva hija vvizzjata minn ksur tar-rekwiżit proċedurali essenzjali u żball manifest ta’ evalwazzjoni.
—
Il-Kummissjoni kienet żbaljata li tqabbel l-opinjonijiet ma’ opinjonijiet oħra maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxa Irlandiża billi ċ-ċirkustanzi fattwali kienu differenti.
10.
L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li l-linji sussidjarji u alternattivi ma jippermettux kalkolu ta’ ammont li jista’ jiġi rkuprat.
—
Id-deċiżjoni ma tinkludix xi spjegazzjoni ta’ kemm għandu jiġi rkuprat skont il-linji sussidjarji jew alternattivi, kontra r-regoli tal-għajnuna mill-Istat u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
11.
Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna allegata.
12.
It-tnax-il motiv ibbażat fuq il-fatt ta’ nuqqas ta’ tmexxija ta’ investigazzjoni diliġenti u imparzjali.
13.
It-tlettax-il motiv ibbażat fuq il-fatt ta’ ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
14.
L-erbatax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni teċċedi l-kompetenza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Il-Kummissjoni kisret iċ-ċertezza legali billi ordnat irkupru skont interpretazzjoni imprevedibbli tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat; naqqset milli teżamina l-evidenza rilevanti kollha li tmur kontra l-obbligu tagħha ta’ diliġenza dovuta; naqqset milli tirraġuna d-deċiżjoni b’mod adegwat; u eċċediet il-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 107 TFUE billi pprovat tiddisinna mill-ġdid is-sistema tat-taxxa tal-korporazzjonijiet Irlandiża.
Full & Egal Universal Law Academy