DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Klawżola ta’ arbitraġġ – Sentenza fil-kontumaċja – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza – Nuqqas ta’ kompetenza”
Fil-Kawża T-348/16 OP-R,
Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis, stabbilita fi Thessaloniki (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, avukat,
rikorrenti fil-kawża prinċipali,
vs
L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA), irrappreżentata minn M. Pesquera Alonso u F. Sgritta, bħala aġenti, assistiti minn E. Kourakis, avukat,
konvenuta fil-kawża prinċipali,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 123(4) u l-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura u intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-6 ta’ April 2017, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA (T‑348/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:268),
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
1
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2016, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis ippreżentat rikors abbażi tal-Artikoli 272 TFUE. Fit-28 ta’ Ottubru 2016, jiġifieri jumejn wara t-terminu previst, l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA) ippreżentat ir-risposta tagħha. Il-Qorti Ġenerali, billi kkonstatat li l-ERCEA ma kinitx ippreżentat ir-risposta tagħha għar-rikors fit-terminu previst fl-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, laqgħet, skont l-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet ta’ Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ April 2017, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA (T‑348/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kontumaċja”, EU:T:2017:268).
2
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2017, l-ERCEA ressqet oppożizzjoni kontra s-sentenza fil-kontumaċja abbażi tal-Artikolu 166(1) tar-Regoli tal-Proċedura u tal-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru fl-istess jum, l-ERCEA ressqet din it-talba, li fiha hija qiegħda titlob, essenzjalment, li l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja tiġi sospiża sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar l-oppożizzjoni li hija ressqet.
4
Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2017, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:
–
jiċħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ERCEA bħala manifestament infondata skont l-Artikolu 126 flimkien mal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura jew, f’kull każ, bħala inammissibbli skont l-Artikolu 129 flimkien mal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura;
–
jikkundanna lill-ERCEA għall-ispejjeż.
Id-dritt
5
Fid-dawl tal-elementi tal-proċess, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, minn qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għadha qabelxejn tiġi eżaminata l-kompetenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jiddeċiedi dwar l-imsemmija talba.
6
L-ERCEA tinvoka insostenn tat-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja l-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 76, l-Artikolu 123(4) u l-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura.
7
Aristotelio Panepistimio Thessalonikis issostni, essenzjalment, li t-talba għal miżuri provviżorji hija manifestament inammissibbli. L-ewwel nett, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja ma tistax tiġi ordnata fid-dawl tan-natura mhux eżekuttiva, iżda unikament dikjaratorja, tad-dispożittiv tagħha. It-tieni nett, l-ERCEA ma għandhiex interess ġuridiku, peress li l-imsemmija talba hija prematura sa fejn l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja ma hijiex imminenti.
8
Mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġu eżaminati dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 41 flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-oppożizzjoni ma tissospendix l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti Ġenerali.
9
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 123(4) tar-Regoli tal-Proċedura, għalkemm is-sentenza fil-kontumaċja hija eżekuttiva, il-Qorti Ġenerali tista’, madankollu, tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni mressqa skont l-Artikolu 166 tar-Regoli tal-Proċedura.
10
Issa, skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, “Tribunal” tfisser, fir-rigward tal-kawżi assenjati lil jew mibgħuta quddiem awla, din l-awla.
11
Minn dan jirriżulta li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja hija s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li ma jagħtux din il-kompetenza lill-President tal-Qorti Ġenerali, fil-kwalità tiegħu bħala Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda lill-Qorti Ġenerali.
12
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ oppożizzjoni minn terzi, l-Artikolu 167 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi espressament li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestat tiġi ordnata fuq talba tat-terzi li jressqu l-oppożizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 156 sa 161 tar-Regoli tal-Proċedura, li b’hekk jagħtu din il-kompetenza lill-President tal-Qorti Ġenerali, fil-kwalità tiegħu bħala Imħallef għal miżuri provviżorji, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-Artikolu 42 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jindikax, għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ oppożizzjoni minn terzi, il-kulleġġ ġudikanti kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, iżda jirreferi sempliċiment, b’mod ġenerali, għall-każijiet u għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati mir-Regoli tal-Proċedura, kuntrarjament għall-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proċedura ta’ oppożizzjoni.
13
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni u mill-istruttura kemm tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba, li għalhekk għandha tiġi miċħuda.
14
Skont l-Artikolu 158(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jordna:
1)
It-talba hija miċħuda.
2)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Magħmul fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2017.
Ir-Reġistratur
E. Coulon
Il-President
M. Jaeger
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.