17.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) – ir-Renju Unit) – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs DPAS Limited
(Kawża C-5/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Eżenzjoni - Artikolu 135(1)(d) - Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-pagamenti u t-trasferimenti - Kunċett - Kamp ta’ applikazzjoni - Pjan ta’ pagament ta’ kura dentali permezz ta’ debitu dirett))
(2018/C 328/10)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs
Konvenuta: DPAS Limited
Dispożittiv
L-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT li hija prevista fih għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pagamenti u t-trasferimenti ma tapplikax għal provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’li l-persuna taxxabbli titlob lill-istabbilimenti finanzjarji kkonċernati, minn naħa, li somma flus tiġi ttrasferita mill-kont bankarju ta’ pazjent lejn dak tal-persuna taxxabbli fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ debitu dirett u, min-naħa l-oħra, li din is-somma, wara tnaqqis tar-remunerazzjoni dovuta lil din il-persuna taxxabbli, tiġi ttrasferita mill-kont bankarju ta’ din tal-aħħar lejn il-kontijiet bankarji rispettivi tad-dentist u tal-assiguratur ta’ dan il-pazjent.
(1) ĠU C 78, 13.3.2017
Full & Egal Universal Law Academy