10.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein oikeus – il-Finlandja) – Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp. vs Rajavartiolaitos
(Kawża C-15/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Konvenzjoni ta’ Montego Bay - Artikolu 220(6) - Ġurisdizzjoni ta’ infurzar tal-Istat kostali - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali - Direttiva 2005/35/KE - Tniġġis ikkawżat minn vapuri - Artikolu 7(2) - Konvenzjoni Marpol 73/78 - Tixrid ta’ żejt fiż-żona ekonomika esklużiva minn vapur fi tranżitu - Ċirkustanzi li fihom Stat kostali jista’ jibda proċedimenti kontra bastiment barrani - Libertà ta’ navigazzjoni - Protezzjoni tal-ambjent marittimu - Ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati jew għal xi riżorsi fil-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva - Evidenza ċara u oġġettiva))
(2018/C 319/06)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp.
Konvenuta: Rajavartiolaitos
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis, kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kelmiet “evidenza ċara u oġġettiva”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jirreferux biss għat-twettiq ta’ ksur iżda wkoll għall-prova tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur.
2)
Il-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-prinċipju, għandhom l-istess tifsira bħall-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, imsemmija fl-Artikolu I(1) u fl-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt, konkluża fi Brussell fid-29 ta’ Novembru 1969, filwaqt li jinftiehem li dan l-Artikolu 220(6) japplika wkoll għar-riżorsi mhux ħajjin tal-baħar territorjali tal-Istat kostali u għar-riżorsi kollha taż-żona ekonomika esklużiva tiegħu.
3)
L-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stat kostali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferu għall-ispeċi maqbuda iżda wkoll għall-ispeċi ħajjin assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, bħall-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom.
4)
Ma huwiex neċessarju, fil-prinċipju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “tniġġiż sinifikanti” imsemmi fl-Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123 u, b’mod partikolari, matul l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti f’dawn id-dispożizzjonijiet.
5)
Sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indizji kollha li jippermettu li jiġi stabbilit li ġiet ikkawżata ħsara jew li hemm riskju li tiġi kkawżata ħsara lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali, kif ukoll jiġi evalwat kemm hija kbira l-ħsara kkawżata jew li hemm riskju li tiġi kkawżata lil dawn il-beni jew lil dawn l-interessi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:
—
in-natura kumulattiva tal-ħsara lil diversi jew saħansitra lil dawn il-beni u lil dawn l-interessi relatati kollha kif ukoll differenzi fil-vulnerabbiltà tal-Istat kostali għal dak li jirrigwarda l-ħsara lid-diversi beni u interessi relatati;
—
konsegwenzi negattivi prevedibbli tat-tixrid fuq l-imsemmija beni u interessi relatati, abbażi mhux biss tad-data xjentifika disponibbli, iżda wkoll tan-natura tas-sustanza jew tas-sustanzi dannużi fit-tixrid inkwistjoni kif ukoll l-ammont, id-direzzjoni, il-veloċità u l-perijodu ta’ żmien li matulu l-imsemmi tixrid ikompli jinfirex.
6)
Il-karatteristiċi ġeografiċi u ekoloġiċi partikolari u l-vulnerabbiltà taż-żona tal-Baħar Baltiku għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-ksur kif ukoll, b’mod madankollu mhux awtomatiku, fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm hija kbira l-ħsara li dan il-ksur ikkawża lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali.
7)
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li l-Istati Membri jimponu miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, meta din id-direttiva tkun applikabbli, filwaqt li l-Istati kostali huma awtorizzati jieħdu miżuri oħra ta’ portata ekwivalenti għal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 220(6).
(1) ĠU C 86, 20.3.2017.
Full & Egal Universal Law Academy