14.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Novembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof – l-Awstrija) – Danieli & C. Officine Meccaniche SpA, et vs Regionale Geschäftsstelle Leoben des Arbeitsmarktservice
(Kawża C-18/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda - Repubblika tal-Kroazja - Miżuri tranżitorji - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Direttiva 96/71/KE - Kollokament ta’ ħaddiema - Kollokament ta’ ċittadini Kroati u ta’ Stati terzi fl-Awstrija permezz ta’ impriża stabbilita fl-Italja))
(2019/C 16/06)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Danieli & C. Officine Meccaniche SpA, Dragan Panic, Ivan Arnautov, Jakov Mandic, Miroslav Brnjac, Nicolai Dorassevitch, Alen Mihovic
Konvenut: Regionale Geschäftsstelle Leoben des Arbeitsmarktservice
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 56 u 57 TFUE, kif ukoll il-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt li jillimita, permezz ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ impjieg, il-kollokament ta’ ħaddiema Kroati li huma impjegati minn impriża li għandha s-sede tagħha fil-Kroazja, meta l-kollokament ta’ dawn il-ħaddiema jsir permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, lil impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-għan ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel Stat Membru minn din l-aħħar impriża.
2)
L-Artikoli 56 u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax jeżiġi li ċittadini ta’ Stati terzi, imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, minn impriża oħra stabbilita wkoll f’dan l-Istat Membru, għal finijiet ta’ provvista ta’ servizzi fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, ikollhom permess ta’ impjieg.
(1) ĠU C 144, 08.05.2017
Full & Egal Universal Law Academy