23.9.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Düsseldorf — il-Ġermanja) — Fashion ID GmbH & Co.KG vs Verbraucherzentrale NRW eV
(Kawża C-40/17) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali - Direttiva 95/46/KE - Artikolu 2(d) - Kunċett ta’ “kontrollur” - Amministratur ta’ sit internet li inkorpora plug in soċjali fih li jippermetti l-komunikazzjoni ta’ data ta’ natura personali ta’ min jaċċedi dan is-sit lill-fornitur tal-imsemmi plug in - Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-amministratur tas-sit internet jew ta’ dak tal-fornitur tal-plug in soċjali - Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) - Kunsens tas-suġġett tad-data - Artikolu 10 - Informazzjoni tas-suġġett tad-data - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja)
(2019/C 319/02)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fashion ID GmbH & Co.KG
Konvenuta: Verbraucherzentrale NRW eV
fil-preżenza ta’: Facebook Ireland Ltd, Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.
2)
L-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID GmbH & Co. KG, li jinkorpora plug-in soċjali fl-imsemmi sit li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut mill-fornitur tal-imsemmi plug-in u jittrażmetti b’dan il-mod u lil dan il-fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, jista’ jitqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Madankollu din ir-responsabbiltà hija limitata għall-operazzjoni jew għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi, jiġifieri l-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data inkwistjoni.
3)
F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug-in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug-in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, huwa neċessarju li kemm dan l-amministratur kif ukoll dan il-fornitur ikollhom, għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, interess leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, sabiex l-aġir tagħhom ikun iġġustifikat.
4)
L-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug-in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug-in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, il-kunsens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jinġabar minn dan l-amministratur biss fir-rigward tal-operazzjoni jew tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha l-imsemmi amministratur jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni jistrieħ ukoll fuq l-imsemmi amministratur, fejn madankollu l-informazzjoni li dan tal-aħħar għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data għandha tirrigwarda biss l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.
(1) ĠU C 112, 10.4.2017